Nhar il-Ħadd li ġej fid-9.30 a.m. Mons. Arċisqof Savio Hon Tai-Fai se jqaddes quddiesa fis-solennità tal-Epifanija tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Jikkonċelebraw l-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Dakinhar Mons. Hon Tai-Fai se jkun preżentat bħala n-Nunzju Appostoliku l-ġdid tas-Santa Sede għal Malta. Kulħadd huwa mistieden jattendi għall-quddiesa biex jagħtih merħba.
Mons. Savio Hon Tai-Fai, bħala nunzju, għandu r-responsabbiltà li jirrappreżenta l-Papa mal-Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal-awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għar-Repubblika ta’ Malta. Id-dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall-Isqfijiet, isaħħaħ l-għaqda mas-Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta.