L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Jiena u nisma’ l-kelma rigali ftakart fikom mal-ewwel. Tgħiduli: ‘importanti, it-talba tagħna hija li almenu jkopru l-ispejjeż tat-tieġ.

Jiena nixtieq nuża tliet kelmiet għal din il-laqgħa tiegħi magħkom. L-ewwel nett nirringrazzjakom ħafna tal-preżenza tagħkom li lqajtu l-istedina li fil-bidu tas-sena li fiha se tagħtu kelma li tkunu ta’ xulxin għal dejjem, intom ġejtu biex nitolbu flimkien. Hija ħaġa sabiħa li d-deċiżjoni tagħkom li tibda mhux fit-tieġ, diġà bdiet, id-deċiżjoni li tkunu ta’ xulxin ħadtuha, imma se tikkonfermawha fit-tieġ u dakinhar jibda ż-żwieġ. It-tieġ jiġi u jgħaddi; iż-żwieġ għal dejjem. Anke t-tieġ idum ftit biex tħallas il-kontijiet imma ż-żwieġ għal dejjem. It-tieġ jiġi u jmur forsi tgħejja tara l-vidjow jew illum ma nafx x’jagħmlu, għaliex inti trid tgħixha kuljum imbagħad. Ir-ritratt tal-koppja trid tieħdu kuljum.

U jiena se nuża dawn it-tliet kelmiet li huma ssuġġeriti anke minn dak li qegħdin niċċelebraw illum. Illum bdejna niċċelebraw il-festa tal-Epifanija: kewkba, l-aħbar tajba, rigal. Ippruvaw ftakru li intom tridu tkunu dawn it-tliet kelmiet sbieħ għal xulxin.

Irid ikun hemm dik il-persważjoni fik li l-Mulej laqqgħek ma’ din il-persuna biex lilek twasslek f’post aħjar, li tkun il-kewkba tiegħek.

Il-kewkba għall-Maġi kienet sinjal li jifhmuh. Il-kelma ‘maġi’ hija kelma li juża l-Evanġelju ta’ San Mattew. Kienet tintuża wkoll għall-għorrief tal-Persja fejn illum hemm l-Iran u kienu nies li mhux biss jinterpretaw is-smewwiet imma anke kienu b’xi mod jippruvaw iħabbru l-futur. U dawn raw kewkba u qalu: ‘Irridu niltaqgħu mar-re li bagħtilna dan is-sinjal’. Intom tridu taċċettaw lilkom infuskom bħala l-kewkba li bagħtlek il-Mulej fil-ħajja tiegħek. Tgħidli: ‘kultant tiddallam mis-sħab din il-kewkba, ma tibqax tiddi wisq speċjalment meta jkollna t-trikkitrakki’.  

Naħseb jiena tridu taċċettaw il-fatt li l-kunflitti ma tistax tevitahom u t-trikkitrakki l-inqas, imma jrid ikun hemm dik il-persważjoni fik li l-Mulej laqqgħek ma’ din il-persuna biex lilek twasslek f’post aħjar, li tkun il-kewkba tiegħek. Il-kewkba tiegħek huwa s-sieħeb, is-sieħba ta’ ħajtek. Fis-sema hemm ħafna kwiekeb, ma tistax tmur fuq kull waħda jew kull wieħed, l-ewwel nett għax tgħejja imma mbagħad nitilfuk żgur. Il-Mulej bagħtlek kewkba waħda. Tgħidli: ‘kif se tkun tiddi dejjem?’ Dik hija xi ħaġa li tridu taħdmu fuqha intom. It-talba tagħna hija li aħna l-ewwel nies ma nfixkulkomx.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li intom fil-ħajja tal-koppja, ta’ bejnietkom tifhmu li msejħin biex tkunu ta’ sostenn, ta’ sapport, ta’ għajnuna għal xulxin.

Il-kelma aħbar tajba. Il-kewkba lill-Maġi wasslithom biex jifhmu li twieled re li jirgħa. Kemm hi sabiħa din il-profezija li jikkwota l-Evanġelju ta’ San Mattew u li l-għorrief tal-poplu Lhudi qalu lil Erodi: “U int Betlehem, art ta’ Ġuda, le m’intiex l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħu Iżrael” (Mt 2:6) Ġesù meta jikber jgħid: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb (Ġw 10:14): Imma kemm hi ħaġa sabiħa ninnutaw li anke fuq il-profezija tiegħu tarbija diġà hemm dan il-ħsieb li hu bħala mexxej qed jirgħa, mela mhux isawwat jew jumilja, imma se jieħu ħsieb. Din il-kelma li tirgħa din hija l-aħbar tajba profonda. Illum tweldilna mexxej li se jirgħa l-poplu tiegħu. Anzi Ġesù jgħid: “Ir-ragħaj it-tajjeb”, dan li qed jirgħa jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10:15).

U intom tridu tkunu dan it-tip ta’ sostenn għal xulxin, li tkun lest tagħti ħajtek fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, fid-dulur, fin-niket u anke fil-jiem ta’ ferħ. Tridu tkunu l-bastun ta’ xulxin. Mhux il-bastun biex issawwat imma biex fuqu tistrieħ. Dak il-bastun ta’ ħajti mhux għax isawwatni imma għax fuqu nista’ tassew nistrieħ. Kemm tkun ħaġa sabiħa li intom fil-ħajja tal-koppja, ta’ bejnietkom tifhmu li msejħin biex tkunu ta’ sostenn, ta’ sapport, ta’ għajnuna għal xulxin. U allura titgħallem tgħid ‘jekk jogħġbok’, għax xejn mhu bid-dritt, avolja miżżewweġ. Titgħallem tgħid ‘grazzi’ għax kulħadd jieħu pjaċir min jgħidlu ‘grazzi’. U meta jkollkom it-tfal se tgħallmuhom: ‘għid thank you’, ‘għid please’. U titgħallem tgħid ‘aħfirli’, tgħid ‘sorry’. Hekk ukoll nagħmlu kuraġġ lil xulxin, għax kulħadd jiżbalja, kulħadd taqbiżlu mill-Papa ’l isfel. Tagħtux xi daqqtejn, tagħmlux hekk bejnietkom. Ma tistax tgħidilha: ‘għax il-Papa hekk jagħmel’. Kalma.

Agħżel fejn se tinvesti l-iżjed. Sib il-ħin biex intom tkunu flimkien, titolbu flimkien, tersqu għall-qrar mhux flimkien imma tersqu għall-qrar.

Il-kelma ‘rigal’. Ħafna drabi fil-lingwi Latini minflok ‘rigal’ ngħidu ‘present’. Issibha propju bl-Ingliż ukoll għax il-kelma ġejja mislufa mill-Franċiż antik, imma bil-Franċiż presente, presente bit-Taljan. Ir-rigal huwa mod kif jiena nsir parti minn ħajtek. Min se jagħtikom rigal għat-tieġ, nisperaw, dan jixtieq jgħidilkom: jiena nixtieq nieħu sehem, nipparteċipa fil-ferħ tagħkom.

Jipparteċipaw fil-ferħ tagħkom imma intom rigal għal xulxin bil-preżenza tagħkom għal xulxin. Nibdew minn dawn l-aħħar ġimgħat, xhur, ma nafx kulħadd għandu d-data tat-tieġ iffissatha, kunu preżenti għal xulxin. Naf li jkollkom ħafna x’tagħmlu u ħafna affarijiet li jinqalgħu minn taħt ir-riħ u trid issolvihom. Ftakar li dan kollu jgħaddi imma jekk tweġġa’ lil min se tgħix miegħu, imbagħad biex tirranġaha trid iż-żmien. Agħżel fejn se tinvesti l-iżjed. Sib il-ħin biex intom tkunu flimkien, titolbu flimkien, tersqu għall-qrar mhux flimkien imma tersqu għall-qrar. Tgħiduli: ‘Mhux affarijiet tal-antik dawn?’ Il-Mulej ħerqan li jeħilsek minn kull irbit u jgħinek. Dak il-qrar. La hu kundanna, la huwa akkuża, inti tersaq lejn ħabib li jafek. Afdah fil-persuna tas-saċerdot biex jagħtik il-ħelsien mid-dnub u l-ħażen u jiftaħlek il-bieb għall-paċi biex inti l-imħabba tiegħek tkun safja u mbierka. L-imħabba ta’ bejnietkom, l-imħabba fil-ġisem hija qaddisa, hija mbierka. Itolbu lill-Mulej li l-intimità ta’ bejnietkom tkun dejjem intimità mbierka li skont ir-rieda tiegħu tħalli l-frott.

Kewkba, aħbar tajba, rigal. Dan l-awgurju tiegħi llum fil-festa tal-Epifanija, li intom għal xulxin tkunu kewkba fid-dlam tad-dinja, li tkunu aħbar tajba għal xulxin mhux meta jiftaħ il-bieb tieħu qatgħa għax ġie, jew tieħu qatgħa għax ċemplitlek. U li tkunu rigal għal xulxin, mod kif tgħixu l-preżenza ta’ Alla f’ħajjitkom. Intom se tqaddsu lil xulxin l-ewwel nett bil-paċenzja li se tieħdu b’xulxin. Hekk se titqaddsu intom. M’hemmx għalfejn bir-raġġiera minn issa, nawgurawlkom. Imma intom se tqaddsu lil xulxin bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin imma fuq kollox bl-imħabba ta’ bejnietkom.

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta  

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 60, 1-6
Salm: 71 (72), 1-2.7-8.10-11,12-13
Qari II: Ef 3, 2-3a. 5-6
Evanġelju: Mt 2, 1-12

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti