-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral tal-Imdina,
6 ta’ Novembru 2018“Min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla”. Din hija l-hena li aħna nawguraw lill-isqfijiet, saċerdoti, ir-reliġjizi rġiel u nisa li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi li ħadu fil-Magħmudija, f’din l-aħħar sena.
Nawgurawlhom li huma qegħdin igawdu dik l-istedina sabiħa li nsibu fil-Ktieb tal-Apokalissi: “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-Ħaruf għax tassew ħieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla”.
Ġesù jagħtina parabbola ta’ nies li huma distratti mill-ħafna affarijiet ta’ din id-dinja u li ma jaċċettawx l-istedina tal-Mulej. Aħna nitolbu biex bil-ħniena ta’ Alla, anke jekk aħna kultant distratti, kultant ma nisimgħux l-istedina tal-Mulej jew ma nagħtux każha, nitolbu li fil-ħniena tiegħu, dawk kollha li telqu qabilna mhux biss irċievew l-istedina imma laqgħuha għaliex l-istedina hija stedina miftuħa għal kulħadd. Fl-istedina diġà hemm il-barka: “Henjin dawk li huma mistiedna” imma kemm iżjed huma henjin dawk li jilqgħu l-istedina.
Ejjew nitolbu biex kif ħutna, li fil-mewt waslitilhom l-aħħar stedina, u għalhekk nitolbu li jilqgħuha u ħallew lill-Mulej iħaddanhom bil-ħniena tiegħu, nitolbu li aħna wkoll, minkejja l-ħafna distrazzjonijiet li jtellfuna u jtarrxuna, aħna nilqgħu l-istedina tal-Mulej.
✠ Charles J.Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-