Photo: Alison Vella

Wara sajf miżgħud b’esperjenzi ta’ volontarjat f’pajjiżi differenti madwar id-dinja kif ukoll f’Malta stess, riċentament iċ-Chaplaincy fi ħdan l-Università ta’ Malta reġgħet laqgħet lura lill-voluntiera kollha li għamlu xi tip ta’ esperjenza. 

Fost l-artijiet li studenti voluntiera Maltin żaru kienu l-Etjopja, l-Eġittu, diversi reġjuni fl-Italja u anke l-Albanija. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ġimgħa li għaddiet bdiet b’mument ta’ riflessjoni fuq l-esperjenzi li l-voluntiera stess għexu, u kompliet b’quddiesa ta’ ringrazzjament lil Alla għal dawn l-esperjenzi. Il-quddiesa ġiet iċċelebrata minn Fr Patrick Magro S.J. u kkonċelebrata minn Fr Oliver Borg Olivier S.J., Fr Edgar Busuttil S.J. u Fr Stephen Magro.

Fl-aħħar tal-quddiesa ntwerew diversi ritratti u filmati minn dawn l-istess esperjenzi. L-emozzjonijiet ta’ ferħ li kien hemm fuq l-uċuħ tal-voluntiera hekk kif bdew jaraw l-esperjenzi ta’ xulxin u jerġgħu jqanqlu l-memorji li huma stess għexu ftit tal-ġimgħat qabel huma xhieda tal-frott li jħallu dawn it-tip ta’ esperjenzi.

Preżenti wkoll għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ukoll xi wħud mill-membri tal-Catenians Association ta’ Malta li qassmu fondi lill-istudenti sabiex jgħinuhom itaffu l-ispiża ta’ din l-esperjenza. Permezz ta’ din l-għajnuna ħafna iktar studenti jkunu jistgħu jesperjenzaw dawn it-tip ta’ esperjenzi offruti miċ-Chaplaincy tal-Università ta’ Malta. 

Għal iktar informazzjoni fuq dawn it-tip ta’ esperjenzi tista’ tidħol f’din il-ħolqa hawn. 

Source: Newsbook.com.mt

Article written by Maria Emma Buhagiar