****

Direttur:          Joachim Ronning

Atturi:              Angelina Jolie, Elle Fanning, Chiwetel Ejiofor, Sam Riley, Ed Skrein, Imelda Staunton, Juno Temple, Lesley Manville u Michelle Pfeiffer

Ħin tal-Film:    118 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             PG

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  PG

Ħames snin wara l-mewt tar-Re Stefan, Ingrith, ir-reġina ġdida tar-renju tal-umani, sfortunatament bdiet tmexxi r-renju lejn legat aktar mudlam milli kien mexxa Stefan snin qabel. Sadanittant fil-Moxa mgħaddra, Diuval isib li Aurora qegħda taċċetta l-proposta għaż-żwieġ li l-Prinċep Philip kien qiegħed jagħmlilha. Diuval jinforma lil Malificent li xejn ma ħadet pjaċir u li ma kenitx taqbel ma’ din il-proposta li Aurora tiżżewweġ lil-Prinċep Philip. Hi  twissi lil Aurora li dan iż-żwieġ qatt ma kellu jseħħ. Ftit kien hemm tama li dan iż-żwieg kien sejjer jirnexxi u jkun dejjiemi. Aurora u l-fatati ma ħadux pjaċir bl-atteġġjament negattiv ta’ Maleficent.

Aurora, għalhekk ħarbet lejn ir-renju tal-umani fejn ir-reġina Ingrith kellha tiddeċiedi jekk taċċettahiex bħala bintha l-ġdida. Maleficent meta tasal għaż-żwieġ, għamlet użu mill-qawwa tagħha biex tqiegħed saħta ġdida: qatt m’hu sejjer ikun hemm riunjoni jew imħabba bejn Aurora jew il-Prinċep. Aurora ma taċċettax is-saħta b’riżultat li Maleficent, b’rabja kbira, aċċidentalment attakkat lir-Re John. Ftit wara Maleficent irnexxielha taħrab mill-kastell qabel il-għassiesa setgħu jżommuha. Lura lejn il-Moxa, mitlufa kif kienet, nfexxiet f’bikja għax it-tamiet tagħha li ssalva lil Aurora mill-ħakma ta’ Ingrith sefgħu fix-xejn. Biex tipprova ssalva il-qagħda, Maleficent tiltaqa’ ma’ Connall, fatat bħal Maleficent li minnaħa tiegħu jintroduċieha ma’ fatati oħra taħt it-tmexxija ta’ Borra.

Maleficent taċċetta li tmexxi din il-forza, inklużi l-poplu tal-Moxa, kontra l-mani bit-tama li hi ssalva lil Aurora. Maleficent iżda ma kenitx taf li Borra kien sejjer juża t-tmexxija tagħha biex jeqred għal kollox l-umani, inkluż ukoll it-tfajla Aurora. X’jiġri hekk kif l-għada filgħodu, Maleficent tibda tmexxi l-forzi tal-Moxa u dawk ta’ Dark Feys taħt Borra u Conall, f’invażjoni tar-renju tal-umani. Din tirriżulta f’battalji ħorox u tifrik. Conall jintebaħ bil-għan li kellu Borra li jeqred għal kollox ir-renju tal-umani u għalhekk ipprova jżommu milli jkompli jagħmel hekk b’riżultat li Borra rrabja ħafna u qatel lil Conall. Fil-kaos li nħoloq, Maleficent tibda tfittex lil Aurora iżda tiġi attakkkata minn Ingrith. X’sejjer ikun it-tmiem ta’ din il-ġrajja sfortunata?

Film Amerikan ta’ fantasija, mimli avventuri u xenarju mill-isbaħ. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Joachim Ronning u kitba ta’ Linda Woolverton. Minħabba xi xeni jistgħu jimpressjonaw lit-tfal żgħar, tajjeb li dawn ikunu akkumpanjati minn xi adult.