L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-kapitlu 10 ta’ San Mattew miktuba f’kuntest speċjali ħafna: il-kuntest meta l-komunità Nisranija kienet għaddejja minn persekuzzjoni l-iżjed ħarxa. It-twemmin f’Ġesù kien qed jifred il-familji, iwassal għall-mewt, joħloq inkwiet u kultant ukoll kunflitt. Il-kelma ta’ Ġesù tiġi mfakkra f’dan il-kuntest, kuntest ta’ għażla li mhix dejjem faċli. Bħal min irid jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin.

M’ilux kont qed naqra ktieb ‘Dying to live’ ta’ Danielle Vella, li jġib rakkonti ta’ diversi refuġjati u migranti. U kien hemm ġurnalist li ġie ppersegwitat għax għamel xogħlu u missieru qallu: ‘Tinsiex, ibni, jekk tagħmel it-tajjeb, trid tħallas il-prezz’. U spiċċa biex kellu jitlaq minn pajjiżu u jibda l-vjaġġ ta’ ħelsien li sar trawma fih innifsu.

Kultant aħna, meta niltaqgħu ma’ dawn ħutna fuq xi laqxa fil-Mediterran, ma nirrealizzawx l-istorja tagħhom x’inhi. Ħadd ma jitlaq daru b’kapriċċ. Imma din il-kelma li qal missier dan il-ġurnalista li kellu jaħrab minn pajjiżu u jfittex il-libertà fl-Ewropa biex imbagħad ġie umiljat u stmat mhux ta’ bniedem, forsi minna stess, għax din hi d-dilemma: qed ifittex il-libertà u jispiċċa ttrattat ħażin. Il-prezz għal-verità ma ħallsux biss f’pajjiżu imma wkoll hu u jfittex il-libertà. Stejjer ta’ vera li jġagħluk taħseb.

Imma dan il-kliem hu kliem li jgħodd għalikom ukoll, għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija. Għaliex id-dover tagħkom iġagħalkom kontinwament tagħmlu għażliet li fuq il-karta jidhru faċli imma fir-realtà tal-ħajja mhuma faċli xejn.

Xi jfisser meta Ġesù jgħid: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi (Mt 10:37)”? Qed jitkellem dwar il-kunflitt fil-kuxjenza meta inti biex tagħmel is-sewwa, tista’ forsi xxellifha ma’ min hu l-iżjed għażiż għalik. U hekk jitkellem ukoll mal-ulied: inti għandek xi ħadd qrib tiegħek imma l-liġi suppost hi l-istess għal kulħadd, u inti u tinfurzaha, tħossok f’dilemma kbira. Inutli ngħidu li dawn id-dilemmi, dawn il-konflitti fil-qalb u l-kuxjenza tagħna, ma nħossuhomx. Illum irridu nitolbu d-dawl biex nagħżlu tajjeb.

Jiena u nisma’ lil Ġesù fl-Evanġelju tal-lum jitkellem dwar il-ħlas li jingħata għal min jilqa’ l-profeta, għal min jilqa’ lill-ġust, għal min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu (ara Mt 10: 41-42), ftakart fil-ħajja u s-servizz tagħkom fost il-komunità. Min jaf kemm wens u protezzjoni ġġibu bil-preżenza tagħkom. U tgħiduli: ‘din il-ħaġa tiswilna wkoll prezz’. Jiddispjaċini bħalma jiddispjaċina lkoll meta nisma’ li waqt li intom qed tinfurzaw il-liġi, xi ħadd minnkom iweġġa’ għax irid ikun tarka kontra min hu vjolenti u kultant malizzjuż u bla qalb.

Intom tafu iżjed minna lkoll li l-ħażen kultant ikun pass jew mija qabilna. Għalhekk l-appell tiegħi llum hu li aħna nkunu magħkom, għeżież membri tal-Korp tal-Pulizija. Naf li l-Istat jagħmel ħiltu biex jagħtikom il-mezzi, l-għajnuniet, ir-riżorsi essenzjali biex il-ħakma tad-dritt fostna ma tkunx sabiħa biss fuq il-karta imma realtà.

Aħna qegħdin ngħaddu staġun meta għajnejn min għandu l-poter fid-dinja, imsammrin fuqna biex iqisu l-passi li nagħmlu, l-għażliet li nagħmlu. Jalla l-għażliet li nagħmlu jkunu għażliet tal-legalità, ta’ ġustizzja u ta’ integrità.

Hemmhekk hi d-direzzjoni ġusta, l-integrità, l-imparzjalità li ċ-ċittadin quddiemkom iħossu protett, hu min hu, jemmen x’jemmen, jaħseb x’jaħseb.

Jiena u ġej nara billboard. Se nikkwotah għax ġabet il-kelma tal-President; il-billboards l-oħra nħallihom. Imma kien hemm kelma li qal il-President ta’ Malta: ‘Għada naħsdu dak li niżirgħu llum,’ qal il-President Vella. U hekk ukoll fil-ħidma tagħkom. Jekk intom illum tiżirġħu l-frott tal-etika – naf li l-Kummissarju jixtieq jippromwovi iżjed din il-ħaġa – u hemmhekk hi d-direzzjoni ġusta, l-integrità, l-imparzjalità li ċ-ċittadin quddiemkom iħossu protett, hu min hu, jemmen x’jemmen, jaħseb x’jaħseb. Dawn huma żerriegħat ta’ libertà, ta’ rispett li ’l quddiem jagħmlu frott kbir.

It-talba tagħna hi magħkom u għalikom kif inhu wkoll għalikom u b’dover is-sens ta’ radd il-ħajr lilkom u lill-familji tagħkom. Għax illum bdejt bil-kunflitt li jsemmi ’l Ġesù imma jiena meta nara membru tal-Korp tal-Pulizija ngħid: ‘Il-familja tiegħu: ommu, missieru, martu, uliedu jarawh ħiereġ għax-xogħol u f’qalbhom jgħidu talba ċkejkna ta’ ħarsien, ta’ għożża, ta’ mħabba.’ Dik il-ħarsa ta’ għożża u ta’ mħabba tkun il-ħarsa tagħna wkoll fuqkom waqt li nitolbu għalikom tkunu verament dawk li mingħajr ma tħarsu lejn l-uċuħ, tiżguraw is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżodu 1, 8-14. 22
Salm: 123 (124): 1-3.4-6.7-8
Evanġelju: Mt 10, 34 – 11, 1