L-Għaqda Studenti tat-Teoloġija (GħST), li ilha mwaqqfa madwar 64 sena, hija għaqda li tixtieq twassal il-messagg li t-Teoloġija kapaċi tilħaq il-qalb tal-bniedem. Biex turi li qeda tkun sensittiva għall-esperjenza ta’ ħajjet il-bniedem, torganizza attivitajiet u tistieden lill-istudenti li qegħdin jistudjaw it-Teoloġija sabiex isiru jafu iktar lil xulxin u jaħdmu flimkien biex ikunu jistgħu jgħinu lil dawk in-nies li għandhom bżonn l-għajnuna u l-imħabba tagħhom.

Kull sena l-GħST b’kollaborazzjoni ma’ Radju RTK torganizza l-kampanja ‘Make my House a Home’ li fiha jsir ġbir għall-Preventive Care Unit. Din il-kampanja issa ilha ssir madwar 9 snin. F’dawn il-jumejn, l-istudenti li qegħdin jistudjaw it-Teoloġija jimpenjaw ruħhom billi fil-ħin liberu li jkollhom bejn lecture u oħra jagħsru l-larinġ u jbigħuh flimkien ma’ xi doughnuts u kejkijiet lill-istudenti sħabhom li jkunu għaddejjin fuq il-Campus tal-Universita’. Kemm il-larinġ kif ukoll id-doughnuts u l-kejkijiet jiġu mogħtija lil GħST b’xejn minn diversi stabbilimenti. Is-semmiegħa ta’ Radju RTK huma mħeġġa jagħtu d-donazzjoni tagħhom billi jċemplu fuq il-linji tat-telefon miftuħa apposta matul din il-kampanja. Matul dawn il-jumejn ikun hemm ukoll kollegamenti diretti fuq ir-radju mill-Campus tal-Universita’. ‘Make my House a Home’ din is-sena ser issir l-Erbgħa 2 u l-Ħamis 3 ta’ Diċembru, 2009.

L-għan tal-Preventive Care Unit hu li tgħin familji fil-bżonn biex ikollhom ambjent xieraq fejn it-tfal jistgħu jinżammu mal-familji tagħhom. Nhar il-Ħadd, 20 ta’ Dicembru l-GħST terga’ tingħaqad ma’ Radju RTK għall-festin li jsir għat-tfal li jgħixu fid-djar tal Knisja. L-GħST tixtieq tħeġġeġ lin-nies isegwu radju RTK jew jikkomunikaw magħhom permezz tal-website ta’ l-Għaqda www.ghstmalta.org u jgħinuhom bid-donazzjoni biex dan il-Milied ikun wieħed specjali għal dawn it-tfal.


Make-my-house-a-home09-poster