• L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi


  • Il-Knisja San Alwiġi, Birkirkara
    29 ta’ Ġunju 2019

    Kemm hija f’waqtha li ċ-ċelebrazzjoni tal-175 sena tal-Appostolat tat-Talb, illum magħruf bħala Network Dinji ta’ Talb mal-Papa, qed issir fil-festa solenni tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu.

    Pietru u Pawlu huma żewġ kolonni tal-Knisja. Pietru huwa dak li Ġesù għażel biex ikun il-kap tal-Knisja. Qallu: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi.” Pawlu kien magħżul biex ikun l-appostlu tal-ġnus, dak li jxandar lil Kristu ħaj lil diversi ġnus.

    X’rabta għandhom dawn iż-żewġ appostli ewlenin mal-Appostolat tat-Talb? Naħseb li sewwasew meta jkunu flimkien juru tajjeb ħafna x’inhu l-Appostolat tat-Talb.


    Appostolat mal-ġnus

    Ħa nħarsu l-ewwel lejn Pawlu, l-Appostlu tal-ġnus. Pawlu kellu dik il-ħeġġa biex iwassal lil Kristu għand il-ġnus u għamel ħafna vjaġġi għal dan il-għan. Dik kienet il-missjoni tiegħu. Imma Pawlu kellu wkoll żmien fil-ħajja fejn ma setax jiċċaqlaq minn post għal ieħor. Għalih l-iktar ħaġa importanti kienet li jkun magħqud ma’ Kristu, jagħmel kollox għall-glorja ta’ Alla, ikun f’liema sitwazzjoni jkun.

    Ħa nħarsu lejn il-bidu tal-Appostolat tat-Talb. Beda fl-1844 f’dar ta’ formazzjoni tal-Ġiżwiti f’post jismu Vals, in-naħa ta’ isfel ta’ Franza. Il-Ġiżwiti żgħażagħ kienu ta’ spiss jiltaqgħu f’din id-dar ma’ missjunarji li jkunu għamlu snin jaħdmu pastoralment f’pajjiżi ’l bogħod, u għalhekk kienu jisimgħu mill-qrib l-esperjenzi tagħhom. Raw kemm kien hemm bżonn kbir li l-Evanġelju jitħabbar lil tant nies li qatt ma semgħu bih. Dawn iż-żgħażagħ imtlew b’entużjażmu, imma fl-istess ħin bi frustrazzjoni għax kienu jafu li kien baqgħalhom numru ta’ snin ta’ studju u formazzjoni qabel ma jistgħu jmorru jwasslu l-Aħbar it-Tajba ’l bogħod minn pajjiżhom.

    Kien f’dan il-kuntest li d-direttur spiritwali tagħhom, il-Giżwita Francis Xavier Gautrelet, li fehem sew is-sitwazzjoni tagħhom, uriehom mod kif setgħu jkunu appostli u missjunarji fil-ħajja ta’ kuljum. ’Il bogħod ma setgħux imorru, imma setgħu fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum jaqdu wkoll lill-Knisja billi jgħixu magħqudin ma’ Kristu u joffru dak li jagħmlu tul il-jum lil Alla u jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom b’ħafna mħabba. Is-sejħa ta’ dawn iż-żgħażagħ, f’dak iż-żmien, ma kinetx li jmorru l-Indja jew xi post ieħor ’il bogħod, imma li jaqdu lill-Mulej fil-post tal-formazzjoni tagħhom, u hekk ikunu ta’ appoġġ spiritwali għall-missjoni tal-Knisja.

    B’dan il-mod, li Fr Gautrelet fisser bħala ‘appostolat tat-talb’, l-iktar importanti m’huwiex li tagħmel azzjonijiet straordinarji imma li tagħmel dawk ordinarji b’ħafna mħabba. Tul is-snin, l-appostolat tat-talb xtered l-ewwel fir-reġjun ta’ madwar, imbagħad fi Franza fil-parroċċi u f’istituzzjonijiet tal-Knisja, imbagħad mad-dinja kollha. Għalhekk sar ukoll, b’mod sabiħ ħafna, appostolat mal-ġnus.


    Rabta ma’ Pietru

    Ħa nħarsu lejn Pietru, li wara l-istqarrija ta’ fidi tiegħu “Inti l-Messija, Bin Alla l-Ħaj”, il-Mulej għażlu biex ikun il-kap tal-Knisja. Aħna llum għandna lil Papa Franġisku bħala s-suċċessur ta’ Pietru. Huwa lilu li l-Mulej għażel biex ikun ir-ragħaj universali tal-Knisja.

    X’rabta hemm tal-Papa mal-Appostolat tat-Talb? Hemm rabta qawwija li ma kinetx hemm mill-bidu nett, imma żviluppat ftit snin wara. Kien bejn l-1890 u l-1896 li l-Papa beda juri interess f’dan in-network ta’ Kattoliċi li joffru ħajjithom u t-talb tagħhom b’appoġġ lill-Knisja. Għalhekk adotta l-appostolat tat-talb bħala ħidma pontifiċja u fdaha uffiċjalment f’idejn is-Soċjetà ta’ Ġesù, il-Kongregazzjoni tal-Ġiżwiti. Beda wkoll jagħżel kull xahar intenzjoni għat-talb, u jħeġġeġ lill-Kattoliċi biex jitolbu skont din l-intenzjoni. Fl-1928 żied intenzjoni oħra, b’mod li jkun hemm kemm intenzjoni ġenerali kif ukoll intenzjoni missjunarja – u dawn it-tnejn magħżula mill-Papa.

    Għalhekk ir-rabta mas-suċċessur ta’ Pietru kompliet tul is-snin sal-lum. Anzi issa hemm dan iż-żvilupp sabiħ li l-Appostolat tat-Talb hu magħruf proprju bħala n-Network Dinji ta’ Talb mal-Papa.

    B’dan il-mod, ħafna nies illum huma magħqudin b’mod konkret ħafna mal-Papa u jaqsmu miegħu l-ħsieb, it-talb u l-azzjoni fil-ħidma tal-Knisja biex twieġeb għas-sinjali taż-żminijiet. Il-Papa hekk  jagħmel fl-għażla tal-intenzjoni tiegħu: jidentifika bżonnijiet partikulari ta’ żmienna u jistieden lill-Kattoliċi biex ikunu konxji ta’ dawn l-isfidi, jitolbu bil-ħerqa, u jieħdu azzjoni li tkun ħierġa mit-talb.


    It-triq tal-qalb

    Illum, għalhekk, nirringrazzjaw lil Alla ta’ dawn il-175 sena tal-Appostolat tat-Talb. F’Pietru u Pawlu naraw ispirazzjoni għal dawk kollha li qegħdin jagħtu s-sehem tagħhom f’dan l-appostolat. Nirringrazzjaw lill-Mulej għal dawk il-Ġiżwiti u nies oħra assoċjati magħhom li f’Malta ħadmu b’tant dedikazzjoni tul is-snin, ħidma li bdiet b’rabta mal-festa tal-Qalb ta’ Ġesù u llum qed titmexxa minn Fr Paul Chetcuti SJ.

    Hi stedina miftuħa għal kulħadd, għax kulħadd jista’ joffri l-ġurnata tiegħu lil Alla u jfittex li jagħmel kollox b’imħabba u b’għożża kif għallimna Ġesù, u b’hekk jingħaqad miegħu fil-missjoni ta’ salvazzjoni; u kulħadd jista’ jitlob skont l-intenzjoni tal-Papa li tiftħilna qalbna u moħħna għall-Knisja universali u għal tant sfidi li l-umanità qed taffaċċja llum.

    Nitolbu lill-Mulej biex din il-ħidma tkompli tissaħħaħ u tkun għall-Knisja appoġġ kbir fil-ħidma pastorali tagħha fid-dinja tal-lum.

    ✠ Joseph Galea-Curmi
        Isqof Awżiljarju