L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Jiena tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Dan il-kliem għażiż ta’ Ġesù li bih nibdew dawn it-tlett ijiem qaddisa tal-Għid, jiġbru il-qofol ta’ dak li aħna qegħdin nagħmlu f’dawn il-jiem. Qegħdin niftakru fl-eżempju li tana Ġesù: “Jien tajtkom eżempju” (Ġw 13:15). Ejjew allura llum, Ħamis ix-Xirka, niftakruh jaħsel riġlejn id-dixxipli tiegħu. Għada ningħaqdu miegħu fil-passjoni ħarxa li minnha għadda: fl-umiltà, fil-paċenzja tiegħu. Sibt il-Għid nistennewh fis-silenzju; u Ħadd il-Għid nifirħu miegħu fil-Qawmien għall-Ħajja.
“Jiena tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15). Illum fir-rit sabiħ tal-ħasil tar-riġlejn, aħna nifhmu li dan il-ġest li nirrepetu ta’ kull sena, jiġbor ukoll fih dak li għamel magħna Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li quddiemu għandna ninżlu għarkubbtejna, jinżel għarkubbtejh hu quddiemna. Alla jinżel għarkubbtejh quddiem il-bniedem. X’inhi l-imħabba?
Għaliex jekk dan l-Evanġelju mill-kapitlu 13 ta’ San Ġwann, jintemm b’din il-frażi qawwija: “Jiena tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:15); din is-silta tibda proprju billi tfakkarna fil-kobor tal-imħabba ta’ Ġesù għalina. “Billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Ħabbhom, ħabb sal-aħħar. Il-kelma ma tfissirx biss sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, imma bil-qawwa kollha tiegħu, ħabbhom fil-milja tal-imħabba.
Wara dan il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn, ifakkar lilna l-Insara, li l-imħabba trid tkun il-kejl, biex ngħiduha f’kelma oħra, il-kriterju ta’ dak kollu li naħsbu, li ngħidu, u li nagħmlu. Jekk aħna rridu nifhmu jekk aħniex ngħixu f’sintonija, f’rabta ma’ Ġesù, irridu kontinwament nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qed naħseb fuq dik il-persuna, ġej mill-imħabba? U dak li se ngħid jew qed ngħid, hu espressjoni tal-imħabba? U dak li qed nagħmel hu mħabba jew diskors ieħor? Illum aħna msejħin biex nifhmu li l-kriterju vera ta’ jekk aħniex ma’ Ġesù jew le, hu jekk inħobbux, jekk aħniex mogħtija għall-imħabba. “Minn dan jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35).
Għalhekk f’dan il-lejl qaddis, ejjew nitolbu l-maħfra lil Alla, ta’ kemm-il darba l-imħabbiet tagħna, l-għatx għall-ġustizzja, l-għatx għall-verità, l-għatx għas-sbuħija jkunu mtebbgħa bir-rabja, bl-għira, bil-passjonijiet, bl-egoiżmu. Nitolbu lil Mulej isaffi, f’ġieħ dawn it-tlett ijiem qaddisa tal-Għid, f’ġieħ il-passjoni għażiża tiegħu, it-tlugħ tiegħu mill-mewt, isaffi l-imħabbiet tagħna u jagħmilhom jixbhu lil tiegħu.
Irridu kontinwament nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qed naħseb fuq dik il-persuna, ġej mill-imħabba?
Xmun Pietru jsib diffikultà li jifhimha din il-ħaġa. F’din id-diffikultà li jħoss, hemm aħna wkoll: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” (Ġw 13:8). Ġesù jinsisti – jekk ma taċċettax din ir-regola tal-imħabba, ma għandekx x’taqsam miegħi, ħabib. U Pietru, bl-impulsività simpatika tiegħu jgħidlu: “Mulej, mhux saqajja biss, imma jdejja u rasi wkoll” (Ġw 13:9). Irid jgħidlu, jiena nixtieq tassew li nkun miegħek, u tiegħek, u għalik. Ġesù jgħidlu: biżżejjed li tħallini naħsillek saqajk. Imma jinsisti ħafna l-Mulej, li jaf li hu l-Mulej u l-Imgħallem. “Tafu x’għamiltilkom? Intom issejħuli l-Imgħallem u l-Mulej, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:14).
Nitolbu għalhekk illum ilkoll, skont il-vokazzjoni tagħna, li jkollna din il-qawwa u din l-umiltà, il-kuraġġ u s-serenità, li f’kull ċirkustanza ningħataw b’dedikazzjoni kbira, b’sens ta’ servizz u ma niddejqux naħslu saqajn xulxin. Ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf, id-dawl, il-fehma, li f’kulma naħsbu, f’kulma ngħidu, u f’kulma nagħmlu, ikun hemm hu, ikun hemm l-imħabba.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 12:1-8,11-14
Salm: 115 (116):12-13,15-16bċ,17-18
Qari II: 1 Kor 11:23-26
L-Evanġelju: Ġw 13:1-15