L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna rritorna fl-Iskola Primarja ta’ San Bastjan, f’Ħal Qormi, fejn fost l-oħrajn iddedika kważi nofs siegħa għal sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mat-tfal tal-iskola.

Kien f’din l-iskola li Charles Scicluna, dakinhar tifel ta’ ħames snin, beda l-vjaġġ edukattiv tiegħu, u baqa’ jistudja sakemm għalaq għaxar snin. F’din l-iskola, hu kellu l-opportunità li jiftakar fit-tfulija tiegħu, fejn kien jgħix u jqatta’ l-ġranet tiegħu bħala tifel f’Ħal Qormi, kif ukoll minn fejn bdiet il-vokazzjoni għal ħajja reliġjuża.

“Ħobbu lil xulxin,” kien il-messaġġ tal-Arċisqof lit-tfal preżenti. Fakkarhom li min iħobb ma jgħajjarx, jieħu paċenzja, jaqsam dak li għandu ma’ ħaddieħor, jitkellem tajjeb mal-oħrajn u jekk jara lil xi ħadd jibki jew imdejjaq, jipprova jfarrġu. “L-imħabba qisha bħal ġnien. Għandha ħafna fjuri u u siġar, li għandhom bżonn l-arja u l-ilma biex jikbru, inkella tiddomina s-swied il-qalb,” kompla l-Arċisqof.

Fost l-iktar interess mit-tfal kien hemm il-ħajja personali tal-Arċisqof, li tkellem dwar l-imħabba tiegħu għall-kelb tiegħu Chucky, li fissru bħala l-alarm tiegħu għax ta’ kull filgħodu jsibu jistennieh għal tgħannieqa, l-eżerċizzju fiżiku u l-għajnuna lil ommu.

Qasam magħhom ukoll il-ħidma tiegħu bħala Arċisqof, li qal li hi ħajja sabiħa imma f’xi mumenti diffiċli, karatterizzata minn diversi laqgħat bħal mal-qassisin, mal-mexxejja tal-pajjiż u fuq kollox mal-komunitajiet differenti: “L-Isqof waħdu ma jista’ jagħmel xejn,” spjega l-Arċisqof lit-tfal li attendew.

Source: Newsbook.com.mt

More Photos