L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu” (Rum 5:17).

Dan il-kliem li smajna fit-tieni qari llum jagħti tifsira sabiħa għall-pellegrinaġġ li għadna kemm għamilna, imwennsin bil-preżenza għażiża tal-istatwa qaddisa u venerabbli tal-Madonna tal-Grazzja. L-omm takkumpanjana f’dan il-pellegrinaġġ u fi ħdanha ġġorr lil Ġesù. Permezz ta’ Binha, aħna nirċievu “l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja” (Rum 5:17). Ejjew nifhmu dan il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl. Permezz ta’ Binha, aħna nirċievu l-kotra tal-grazzja. Huwa l-istess San Pawl li jgħid: “Fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). Aħna nqimu lill-Madonna bħala l-Madonna tal-Grazzja, Omm il-grazzja, għaliex hija Omm Ġesù. Hija Omm ta’ dik l-għajn ta’ ħniena, ta’ imħabba, mogħtija b’xejn mingħajr ma kien jistħoqqilna, mingħajr ma kellna dritt għaliha, għax l-imħabba ma toqgħodx tkejjel, u Alla magħna ma jkejjilx. 

Aħna f’Binha nsibu, “din il-kotra ta’ grazzja, u d-don tal-ġustizzja” (Rum 5:17). Xi jfissru dawn il-kliem? Id-don tal-ġustizzja. Il-ġustizzja mhux il-ġustizzja ta’ din id-dinja, l-aħwa; il-ġustizzja ta’ Alla hija l-fedeltà tiegħu. Alla jekk jgħid kelma jżommha. Jixtieq li nagħmlu hekk aħna wkoll, imma mhux dejjem jirnexxilna. Imma meta Alla jgħid kelma: ‘Jiena naħfirlek’, ‘Jiena nħobbok’, ‘Jiena nħenn għalik’, ‘Jiena nagħdrek’, ‘Jiena nifhmek’, Alla dik il-kelma, mhux biss jifhimha, imma jżommha. Dik hija l-ġustizzja tiegħu, li hi mibnija allura fuq il-verità tiegħu, fuq il-ħajja tiegħu, fuq it-tjubija tiegħu. Għandna wegħda sabiħa: għax irċevejna din il-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja, aħna għad insaltnu fil-ħajja permezz ta’ Ġesù. 

Fl-ewwel qari smajna n-narrattiva, l-istorja, dwar id-dnub, li permezz tiegħu daħlet il-kultura, l-għażla tal-mewt. L-għażla quddiemna l-bnedmin hija dejjem bejn il-mewt u l-ħajja. Alla ħalaqna liberi, l-għadu tagħna jipprova jħajjarna għall-mewt, u Alla bil-paċenzja tiegħu jrid iwassalna għall-ħajja. Ejjew nitolbu ħafna fil-bidu tal-mixja tar-Randan, bl-interċessjoni ta’ Marija, biex aħna individwalment fil-ħajja tagħna, bħala soċjetà, bħala pajjiż nagħżlu dejjem il-ħajja. Mhux qed ngħid biss ir-rispett tal-ħajja mill-bidu tat-tnissil sal-aħħar mument, sal-aħħar nifs tal-ħajja, imma wkoll u b’mod speċjali, li nagħżlu l-ħajja fir-rispett ta’ bejnietna, lejn xulxin. Il-Mulej jilliberana minn kull ħsieb, minn kull azzjoni li tkisser, li tweġġa’ lil xi ħadd. 

Ejjew nitolbuh ukoll jagħtina l-qawwa negħlbu dak kollu li jħajjarna għad-dnub u għall-mewt, għax aħna nafu li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. Illum, il-Mulej jgħaddi mit-tentazzjonijiet tax-xitan, u jirbaħ bil-qawwa tal-Kelma t’Alla. Inħajjarkom li l-istediniet li għamlulkom is-saċerdoti, l-Arċipriet, biex tisimgħu l-Kelma ta’ Alla f’dawn il-jiem qaddisa, teħduhom bis-serjetà. Il-Kelma ta’ Alla mhix biss mediċina li tfarraġ u tfejjaq il-qalb, imma hija wkoll dawl fil-mixja ta’ ħajjitna. Il-Kelma ta’ Alla hija l-kelma ta’ ħabib. Il-Kelma ta’ Alla hija kelma ta’ min ħalqek u jafek, u jifhmek, u jħobbok, u jagħdrek. Mhix kelma addoċċ. Il-Kelma ta’ Alla, iżjed ma nisimgħuha, iżjed inkunu b’saħħitna, biex quddiem l-għawġ tal-ħajja ma nogħtrux, ma nibżgħux, imma jkollna l-qawwa neċessarja.

F’ħin minnhom, lix-xitan Ġesù jikkwotalu l-Kelma ta’ Alla: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek” (Mt 4:7). Xi jrid jgħid biha din fl-Iskrittura, meta tgħid hekk? Jiġifieri lil Alla ħudu bis-serjetà, imma Alla mhux ‘magic’. Kultant aħna nkunu f’xi saram, jew jiġi fuqna l-mard, u nippretendu li Alla jagħfas buttuna u kollox jiġi sew. Ma taħdimx hekk il-ħaġa. Meta għallimna nitolbu, Ġesù stess għallimna ngħidulu: “ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6:10), imma għallimna nitolbuh “il-ħobżna ta’ kuljum” (Mt 6:11). Għallimna nitolbu l-maħfra waqt li nimpenjaw ruħna biex naħfru lil xulxin. Għallimna nitolbuh ukoll biex iħarisna mid-deni.

Ejjew nitolbu biex aħna jkollna l-konfort tal-anġli qaddisa ta’ Alla. Imma llum nixtieq nafdakom u nafda wkoll lil pajjiżna, f’dan il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-nies, taħt l-interċessjoni tal-Madonna tal-Grazzja, dik l-Omm li f’Binha fetħitilna l-imħabba ta’ Alla fil-milja kollha tagħha. “Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ Ġesù” (Rum 5:17).     

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Ġen 2:7-9; 3:1-7
Salm: 50 (51):3-4,5-6a,12-13,14 u 17
Qari II: Rum 5:12-19
L-Evanġelju: Mt 4:1-11

More Photos