L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fir-raba’ Ħadd tal-Għid, kull sena dejjem niftakru fil-Mulej bħala r-Ragħaj tagħna. Hi espressjoni sabiħa li smajna wkoll fit-tieni qari llum mill-Ktieb tal-Apokalissi: “il-Ħaruf li hemm f’nofs it-tron, ikun ir-ragħaj tagħhom; u jwassalhom ħdejn ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom” (Apok 7:17). Dan hu r-ragħaj tagħna.
L-ewwel nett, interessanti ħafna li fil-Ktieb tal-Apokalissi, l-aħħar ktieb tal-Bibbja, il-ħaruf tal-Għid, il-ħaruf bla tebgħa, isir ir-ragħaj. Ir-ragħaj jieħu ħsieb in-nagħaġ u l-ħrief; imma wieħed mill-ħrief isir ir-ragħaj tagħna; il-ħaruf bla tebgħa li ta ħajtu għalina; il-ħaruf tal-Għid tagħna li hu Ħaruf bla tebgħa, mogħti għalina b’sagrifiċċju ta’ mħabba.
U għaliex uriena xi tfisser l-imħabba ta’ vera jista’ jwassalna ħdejn l-ilmijiet tal-għejun tal-ħajja. Il-ħajja, li għalina hi teżor kbir, li nirċievu mill-Ħallieq fil-bidu tal-eżistenza tagħna; u li aħna mistednin inħalluha f’idejh sat-tmiem naturali tagħha.
Ġesù, meta jitkellem fuqu nnifsu bħala ragħaj, l-ewwel li jagħmel fis-silta li smajna, huwa li jitkellem dwarna: in-nagħaġ tiegħi. Kemm hi ħaġa ta’ faraġ għalina, aħna s-saċerdoti, l-isqfijiet, li nirrealizzaw li meta Ġesù jitkellem fuq il-merħla jinsisti li hi l-merħla tiegħu u mhux tagħna. Il-merħla mhix tal-isqof jew tal-Papa, jew tal-qassis, jew tal-kappillan; tibqa’ dejjem ta’ Ġesù. Allura, min hu msejjaħ li jkun ragħaj, fuq ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb, hu msejjaħ jagħti ħajtu; imma li ma jkunx possessiv fl-imħabba tiegħu. Anzi, hu msejjaħ li Alla jieħu pussess tiegħu imma mhux ikun possessiv hu.
Il-ħajja, li għalina hi teżor kbir, li nirċievu mill-Ħallieq fil-bidu tal-eżistenza tagħna; u li aħna mistednin inħalluha f’idejh sat-tmiem naturali tagħha.
Irid ikun ukoll nagħġa mal-oħrajn. Aħna r-ragħajja, hemm bżonn ukoll li nkunu nagħaġ u mhux bdabad. Intom tifhmuni xi rrid ngħid. Kultant tiltaqa’ mar-ragħaj, li jfakkrek iżjed fil-bodbod milli fin-nagħġa, aħseb u ara r-ragħaj. Imma ħa nieqaf hemm. Intom tifhmuni! U nisperaw biss li titbissmu, mhux nirrabjaw iżżejjed.
“In-nagħaġ tiegħi,” jgħid, “jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja” (Ġw 10:27). Mela li tkun parti mill-merħla ta’ Ġesù huwa li tidħol f’relazzjoni ta’ mħabba miegħu. “Jiena nagħrafhom” (Ġw 10:27).
Imma hemm ukoll żewġ atteġġjamenti li jfissru li aħna nappartjenu tassew lil Ġesù: nisimgħu leħnu u nimxu warajh. Ġesù jwegħidna l-ħajja ta’ dejjem. Kemm hi ħaġa sabiħa, li l-ħajja ta’ dejjem nibdew ngħixuha minn issa billi ngħixu fil-paċi. Waħda mill-affarijiet li tolqtok fil-Papa l-ġdid, il-Papa Ljun XIV, hija s-sens kbir ta’ paċi; li allura għax mistrieħ fil-Mulej u ra d-dinja kollha bil-vjaġġi u bl-esperjenza missjunarja tiegħu, tgħallem jafda fil-Mulej. U b’dik il-fiduċja nislet fih, għal kull min jafu personalment, b’mod speċjali l-Agostinjani tagħna f’Malta u Għawdex, sens kbir ta’ umiltà profonda. Kemm hi ħaġa sabiħa, li tagħti ħajtek lil min jista’ jagħtik il-ħajja ta’ dejjem; tafda ħajtek lil min jista’ jagħtik il-ħajja ta’ dejjem. U tirrealizza li ħajtek mhix tiegħek imma rigal. Imma anke jekk tgħaddi mid-dlamijiet, mid-dell tal-mewt, il-Mulej huwa r-Ragħaj tiegħek, iwensek bil-ħatar u l-għasluġ tiegħu.
Imma jgħid xi ħaġa oħra Ġesù llum, li turi li għalkemm huwa l-Ħaruf ta’ Alla, mhuwiex ragħaj bla setgħa, huwa ragħaj ta’ qawwa kbira. “Ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd” (Ġw 10:29). Anke fit-talba li smajna fil-bidu tal-quddiesa llum, aħna parti mill-merħla, lill-Mulej ngħidulu kemm aħna dagħjfin. Imma nirringrazzjawh li qed jafdana f’idejn ir-Ragħaj qawwi tagħna. U l-qawwa ta’ Ġesù x’inhi? Hija l-qawwa tal-imħabba li tiġbidna lejh; imma wkoll il-qawwa kontra s-setgħat tal-ħażen, li jippruvaw ibegħduna minnu.
Imma hemm xi ħaġa li hemm bżonn neħduha bis-serjetà. Ġesù għandu l-qawwa li jagħtik il-ħajja ta’ dejjem; li ħadd ma jaħtfek minn idejh. Għandu l-qawwa li jżommok miegħu. Iħaddnek ma’ qalbu. Imma se jibqa’ jirrispetta l-libertà tiegħek. Jekk trid titlaq, se jfittxek; imma mhux se jżommok miegħu bilfors. Dak huwa limitu li poġġa fir-relazzjoni tiegħu magħna, relazzjoni ta’ mħabba; għax jekk trid tkun mħabba vera, trid tkun ukoll libera. U fil-libertà, hemm ukoll it-traġedja taċ-ċaħda; hemm it-traġedja li dak li jkun jgħidlu: ‘Jien se nieħu ħajti f’idejja u b’idejja! M’għandix bżonnok li tagħtini l-ħajja ta’ dejjem; li żżommok miegħi!’
U għalhekk dik it-talba lis-saċerdot jgħid qabel jitqarben. Tisimgħuni ngħidha, għax nixtieq li tgħiduha miegħi: “Tħallini qatt ninfired minnek”. Dik it-talba ssalvak. Għax jekk inti kuljum tgħidlu: ‘tħallini qatt ninfired minnek’ għandu l-qawwa li jżommok ma’ qalbu, li jħaddnek miegħu. Ħadd ma jaħtfek minn idejn il-Mulej, jekk ma titlaqx inti. Imma jekk tgħidlu: ‘tħallini qatt ninfired minnek’. Se jieħu ħsieb Hu! Għaliex? Għaliex il-Missier li fdana f’idejn Ġesù huwa akbar minn kulħadd. “Ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda” (Ġw 10:29-30). Huma ħaġa waħda fil-misteru tal-imħabba, mal-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej imma jirrispetta l-għażliet tagħna. Jalla l-għażliet tagħna jkunu dejjem għażliet ta’ mħabba.
Illum insellmu wkoll lill-ommijiet tagħna, u nitolbuhom li jitolbu għalina. Meta nitolbu għall-vokazzjonijiet, tajjeb niftakru, li kull vokazzjoni li hija relazzjoni ta’ mħabba speċjali ma’ Alla u għall-poplu tiegħu, taf ukoll l-għerq tagħha fl-esperjenzi tal-imħabba li rċevejna; jekk mhux minn ommna u minn missierna, minn persuni oħrajn. Jalla l-mara, li għandha l-vokazzjoni li tkun omm, tifhem li din hija vokazzjoni ta’ mħabba. Ippermettuli ngħidilkom ukoll, ta’ ħafna paċenzja. Imma dik m’hemmx għalfejn ngħallimkom jien. Aħna llum mhux biex ngħallmu lil ommijietna jħobbu, imma llum biex ngħidulhom: ‘Grazzi tal-imħabba tagħhom’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 13:14,43-52
Salm: 99 (100): 2,3,5
Qari II: Apok 7:9,14b-17
L-Evanġelju: Ġw 10:27-30