Waqt il‑live‑in annwali tal‑kappillani li sar bejn it‑18 u l‑20 ta’ Mejju 2021, ġiet diskussa l‑preżenza online tal‑parroċċi u l‑potenzjal li toffri l‑media soċjali. Bil‑għajnuna ta’ esperti f’diversi oqsma tal‑media, is‑70 kappillan tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta esploraw inizjattivi li jistgħu jittieħdu sabiex il‑messaġġ tal‑Knisja jilħaq iktar nies fuq il‑media soċjali, inkluż l‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ u dawk li huma għatxana għall‑aħbar it‑tajba. It‑tema tal‑live‑in kienet ‘Knisja li Tisma’, Knisja li Toħroġ’, marbuta mad‑dokument ta’ tiġdid ekkleżjali tal‑arċidjoċesi Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed.
Din kienet l‑ewwel darba li għadd ta’ kappillani setgħu jsegwu u jipparteċipaw fil‑laqgħat tal‑live‑in online, filwaqt li oħrajn kienu preżenti għal‑laqgħat fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù. Dan minħabba r‑restrizzjonijiet marbuta mal‑pandemija COVID‑19.
L‑ewwel jum tal‑live‑in beda b’messaġġ mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi li staqsa x’viżjoni għandna ta’ pastorali online li verament tesprimi preżenza ta’ Knisja li tisma’ u Knisja li toħroġ. Huwa ħeġġeġ lill‑kappillani sabiex ikomplu jagħmlu ħilithom biex iwasslu l‑Bxara t‑Tajba bħala aħbar tajba, kif tassew hi.
L‑Arċisqof Charles Scicluna għalaq dawn it‑tliet ijiem ta’ diskussjoni fejn spjega li waħda mill‑missjonijiet tal‑kappillan hi li jsir jaf il‑persuni li jgħixu fil‑komunità tiegħu. Għalhekk stieden lill‑kappillani sabiex jagħrfu t‑talenti li għandhom fil‑parroċċa u b’hekk jgħinu lill‑Knisja tkompli twassal il‑messaġġ tagħha fuq il‑mezzi soċjali b’lingwaċċ adattat għaż‑żminijiet tal‑lum. L‑Arċisqof stieden lis‑saċerdoti biex anke online jkunu strument ta’ ħniena billi jkunu preżenti għall‑oħrajn, u sabiex kull min jiltaqa’ magħhom jkollu togħma tajba tal‑Evanġelju li tqarrbu lejn il‑komunità Nisranija.
Matul il‑live‑in, madwar għaxar professjonisti fil‑qasam tal‑media, inkluż il‑media tal‑Knisja, għenu lill‑kappillani jesploraw b’mod kreattiv is‑social media platforms eżistenti u għodod diġitali li jistgħu jintużaw. Kelliema oħra qasmu l‑esperjenzi tagħhom u wrew kif il‑mezzi soċjali online huma mfittxija kemm miż‑żgħażagħ kif ukoll mill‑adulti skont il‑pjattaforma li tintuża. Kienu wkoll mistiedna żgħażagħ attivi fil‑parroċċi u gruppi Nsara li tkellmu dwar kif matul il‑pandemija użaw il‑media soċjali sabiexiwasslu l‑messaġġ Nisrani b’mod kreattiv.
Il‑live‑in ġie organizzat mill‑Kunsill tal‑Kulleġġ tal‑Kappillani flimkien mal‑Uffiċċju Komunikazzjoni tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta.