Il‑Quddiesa tat‑tberik taż‑żjut bit‑tiġdid tal‑wegħdiet saċerdotali, li normalment hi l-unika waħda li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix‑Xirka, se ssir għada l-Ħadd 28 ta’ Ġunju fis-6:30pm mill‑Arċisqof Charles Jude Scicluna flimkien mas‑saċerdoti tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, fil‑Katidral ta’ San Pawl, l‑Imdina. Il-Quddiesa tmexxiet għal għada minħabba l-pandemija tal-covid-19.

L‑enfasi ta’ din il-quddiesa huwa fuq l‑għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew fdati biex ikomplu l‑ħidma tiegħu. Fiha s‑saċerdoti jġeddu l‑wegħdiet tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, b’tiġdid ta’ impenn tal‑għaqda bejniethom u mal‑isqof tagħhom. Jitbierku wkoll iż‑żjut tal‑morda u tal‑katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż‑żejt, mħallat bil‑fwejjaħ, tal‑griżma.

Dawn iż‑żjut jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti matul is‑sena, sa Ħamis ix‑Xirka ieħor. Iż‑żejt tal‑griżma jintuża wkoll waqt l‑ordinazzjoni ta’ saċerdoti u isqfijiet u fil‑konsagrazzjoni ta’ knejjes jew altari u ser ikun qed jintuża wkoll waqt l-ordinazzjoni presbiterali tat-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2020, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl.