
L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Omelija fil-quddiesa li tat bidu għall-ħidma pastorali ta’ Dun Claude Portelli bħala l-Arċipriet il-ġdid tal-Katidral
Għażiż Mons. Claude, int u tibda l-ministeru tiegħek b’mod formali bħala Arċipriet ta’ dan il-Katidral, nixtieq nissuġġerilek tliet kelmiet, ispirati wkoll mill-kelma tagħna llum: isma’, ħobb, irgħa.
Ġesù meta jindika l-aqwa kmandament b’risposta għall-mistoqsija ġenwina ta’ dan il-kittieb li kien qed jinterpreta polemika kontemporanja, il-polemika kienet l-aqwa liġi. Fil-fatt din il-mistoqsija, l-għaref tal-liġi ipoġġiha lill-mastrudaxxa ta’ Nazaret, li kellu l-awtorevolezza mhux biss tal-kliem, imma tax-xhieda tal-ħajja.
Ġesù jirrispondi billi jikkwota l-Iskrittura stess. L-ewwel qari hu l-konferma ta’ dak li qal Mosè lill-poplu Lhudi u Ġesù jikkwota r-risposta tiegħu: “Isma’ Iżrael” (Dewt 6:3) Li tisma’! L-esperti jgħallmuna, anke bil-lingwa tagħna, li għandna diversi kwalitajiet ta’ smigħ.
L-istedina li tuża mhux biss id-don tas-smigħ jirrikjedi s-silenzju.
Ma tistax tisma’ jekk ma jkollokx ukoll fil-qalb tiegħek is-silenzju li jisma’ l-kelma ta’ ħaddieħor.
Hi wkoll stedina għall-attenzjoni. Aħna nużawha bejnietna. Meta ngħidu lil xi ħadd biex jagħti kasna ngħidulu jismagħna.

Hija wkoll kelma li tistedinna għall-ubbidjenza. Ma nafx inti, imma jien kemm-il darba smajt lil ommi tgħidli: ‘Ibni, isma’ minni’ li ovvjament tfisser obdini. Il-kelma għandha dawn it-tliet mumenti: interċessjoni, attenzjoni u ubbidjenza. Jien ukoll nawguralek li din il-kelma ‘isma’’ tkun parti wkoll mill-istil sinodali tat-tmexxija tiegħek – li tisma’ b’attenzjoni u tisma’ wkoll lil Alla u tobdih.
It-tieni kelma hi ‘ħobb’. Ġesù meta jitkellem fuq l-imħabba jgħallimna tliet kwalitajiet ta’ mħabba. L-imħabba lejn Alla, l-imħabba lejn il-proxxmu u l-imħabba lejk innifsek. Jikkwota minn ‘Isma’ Iżrael’, frażi li ġejja mill-Iskrittura li tgħallimna li Alla huwa wieħed. Aħna nagħmlu ħafna allat imma Alla huwa wieħed, Alla veru, Alla ħaj. Hu jistedinna inħobbuh b’dak kollu li aħna kapaċi – “b’qalbna, b’ruħna, b’saħħitna kollha” (Dewt 6:6), dan hu l-qofol ta’ kull kmandament.
Nawguralek li l-istil tal-ministeru tiegħek jinġabar f’kelma waħda: Ħobb. Il-Mulej immedjatament jgħid: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:30) u għalhekk jgħallimna żewġ kwalitajiet oħra tal-imħabba, iż-żewg livelli l-oħra tal-imħabba.
L-imħabba lil għajrek, l-imħabba lill-proxxmu tiegħek, imma wkoll l-imħabba għalija nnifsi; “ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18). Jiena nawguralek Mons. Claude, li tħobb lilek innifsek, tħares lilek innifsek minn kull xkiel, minn kull ingann li jkissrek u jħawdek. Ħu ħsieb tiegħek innifsek.
Ħobb il-proxxmu.
Il-ministeru tagħna huwa sabiħ meta jkun ta’ servizz għall-proxxmu mhux għall-glorja tagħna.
Inti qed tissejjaħ biex tħobb lill-poplu tal-Imdina, li hu għani fl-istorja.

U inti wara kollox mhux biss arċipriet imma wkoll ragħaj ta’ din il-knisja –katidral. Illum irnexxielek timla l-Katidral, nawguralek li dan ma jkunx biss għall-pussess. Dalwaqt ġej il-Milied, qed navżakom minn issa li fl-24 ta’ Diċembru jkun hawn quddiesa wkoll.
Ħobb lil Alla. Jekk ma nħobbux lil Alla, ma ngħixux il-vokazzjoni tagħna – tkun vojta, ma jibqgħalhiex sens, lanqas togħma tajba. U la qed nitkellmu fuq l-imħabba lejn Alla, għalik bħala saċerdot bniedem dgħajjef, inti magħżul mill-bnedmin biex tkun mezz ta’ għaqda bejn il-bnedmin u Alla.
Infakkrek f’dik il-kelma li Ġesù jgħid lir-ragħajja kollha. Qalha lil Pietru imma jgħidha lil kull wieħed minna: “Tħobbni int?” “Mulej inti taf kollox, inti taf li nħobbok, u r-risposta ta’ Ġesù kienet: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (ara Ġw 21:17). Ma qalx irgħa l-merħla tagħna imma l-merħla tiegħi. Ġesù jitlob minna l-imħabba lejh, l-imħabba lejn il-merħla, imħabba lejna nfusna.
Min jobgħod lilu nnifsu ma jistax iħobb lil ħaddieħor. Min iħobb lil ħaddieħor u jinsa lil Alla jitfixkel. U jekk tħobb lil Alla trid tħobbu wkoll fix-xbiha tiegħu, il-merħla tiegħu, li għaliha xerred demmu.

Nawguralek Mons. Claude li tispira ruħek mill-Patrun ta’ dan il-Katidral, li fil-misteru tal-konverżjoni tiegħu, fil-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, Pawlu tgħallem li dak kollu li nagħmlu lil xulxin inkunu qed nagħmluh lil Ġesù.
Fil-konverżjoni tiegħu Pawlu rrealizza li ltaqa’ ma’ xi ħadd ħaj u qallu “għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Att 9:4) Ma qallux għaliex qed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi imma għaliex qed tippersegwitani? Għax dak kollu li nagħmlu lil xulxin Ġesù jqisu magħmul lilu nnifsu.
“Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, fil-ħabs u ġejtu żżuruni … għax kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:35,36).
Il-Mulej jagħtik id-don Mons. Claude li tisma’, tħobb u tirgħa.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta




