Fil-ħajja ta’ Ġesù, insibuh diversi drabi f’polemika mal-Fariżej u l-kittieba tagħhom. Tal-lum hija waħda minnhom, meta ġew jilmentaw għaliex id-dixxipli ta’ Ġesù ma kinux f’kollox bħad-dixxipli l-oħra ta’ Ġwanni, jagħmlu bħalhom, imma kienu qishom qed igawdu l-ħajja, “jieklu u jixorbu”; dejjem ovvjament jagħmlu affarijiet tajbin, imma jgawdu l-ħajja. Ħaduha bi kbira minħabba f’hekk.
Nixtieq nieħu t-tieni parti tal-Evanġelju, meta Ġesù jgħid li “ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima”. Jgħid: għax inkella tkun irrovinajt il-ġdida, u fl-istess waqt lanqas ma tkun taqbel mal-qadima. Jgħid ukoll li ma jqegħdux l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani u jixtered l-inbid u anke titlef id-damiġġani.
X’ried jgħid biha Ġesù meta juża dawn iż-żewġ tixbihat? Qed jgħid, kif ngħidu bil-Malti, li musmar ġdid jaqla’ l-qadim? Qed jgħid li jiġi żmien meta l-qadim aħna għandna nwarrbuh għal kollox għax għandna issa l-ġdid? X’irid jgħid biha Ġesù?
Irridu niftakru li Ġesù qatt ma kien kontra t-tajjeb li hemm, qisek twarrbu għax ġiet xi ħaġa ġdida. Hu stess qal: jien ma ġejtx biex iwaqqa’ l-liġi imma biex inwassalha għall-perfezzjoni. Ma kienx l-iskop tiegħu li jekk hemm xi ħaġa tajba, ineħħiha biex idaħħal tiegħu. Imma l-kelma tiegħu kienet kelma li tistieden għall-konverżjoni vera u profonda, mill-qiegħ. Dan hu l-“ġdid”. Fil-fatt, hawnhekk Ġesù jsemmi xi tmien darbiet il-kelma “ġdid” jew “ġodda”. L-enfasi ta’ Ġesù fuq il-“ġdid” ifakkarna f’din il-bidla mill-qiegħ li ġġib il-kelma tiegħu f’ħajjitna biex iġġeddidna. Dak hu l-“ġdid” li jixtieq minna wkoll. Għalhekk mhijiex kwestjoni ta’ tiċpisa ’l hawn u ’l hinn, imma hi konverżjoni vera.
Il-kelma li qal dak iż-żmien tgħodd ħafna anke għal ħajjitna llum. Għax aħna jista’ jiġrilna li nirraġunaw, jew inkella ngħixu, b’dan il-mod – qisu l-“ġdid” tal-kelma ta’ Alla jidħol fejn jaqblilna, qisu bħal feles fejn għandek bżonn, imma l-bqija tibqa’ bil-ħajja l-qadima. Pereżempju, jekk jien ngħix ħajja ta’ egoiżmu – hawn mhux qed ngħid għax bniedem ġieli jiżbalja, imma l-ħajja kollha tkun hekk, egoiżmu totali – imbagħad iddaħħal xi opra tajba ’l hawn u ’l hinn. Dik tiġi qisek qed iddaħħal il-ġdid imma tibqa’ bil-qadim. Jew inkella, xi ħadd li jittratta ħażin lin-nies tal-familja tiegħu jew lil sħabu fuq ix-xogħol, kontinwament jittrattahom ħażin, imbagħad ikollu dik id-devozzjoni ’l hawn u ’l hinn reliġjuża – dik qisek qed iddaħħal xi ħaġa ġdida, tajba, imma d-drapp baqa’ l-antik. Ġesù jrid minna li nkunu drapp li jintiseġ mill-kelma tiegħu. Din hi l-bidla li jġib fina. Inkella jista’ jiġri li meta jħarsu lejna Nsara – xi ħadd, per eżempju, li ma għandux l-istess twemmin – fina jaraw flok ħajja li tintiseġ mill-kelma ta’ Alla, ħajja qisha drapp bit-tiċrita li tkompli tikber.
Nitolbu lill-Mulej. Huwa hu li jista’ jġeddidna, huwa hu bil-kelma u bil-qawwa tiegħu li jista’ jagħmilna ġodda f’dan is-sens li qed jitkellem Ġesù. Nitolbuh il-grazzja biex aħna dejjem naċċettaw dan it-tiġdid li jġib il-Mulej f’ħajjitna ħalli nkunu tassew drapp li jintiseġ mill-kelma tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju