Photo: Aleteia

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Int u dieħel f’dan it-tempju, ftakar li hu mbierek mill-Mulej u fih Marija għażlet li tagħmel id-dar tagħha”. Din hi x’tgħid l-iskrizzjoni, li hi bil-Latin, li hemm int u dieħel f’din il-knisja. Tfisser b’mod sabiħ ħafna dak li hi għalina l-knisja li fiha niltaqgħu flimkien.

Titlu li jidher stramb

Qed niċċelebraw il-Festa tal-Madonna tal-Ħerba f’din il-knisja ddedikata lilha. Meta tisma’ dan it-titlu, “tal-Ħerba”, tiġi waħedha d-domanda: x’ifisser dan it-titlu? Għax aħna meta nagħtu titlu lill-Madonna, normalment nesprimu dak li hi tfisser għalina. Meta ngħidu “Madonna tal-Fiduċja” jew “Madonna tal-Ħniena”, infissru li l-Madonna hija dik li tnissel fiduċja, li turina ħniena. Imma f’dal-każ “Madonna tal-Ħerba” b’ebda mod ma jfisser li hija dik li ġġib ħerba. Għalhekk: x’ifisser dan it-titlu?

Leġġenda b’messaġġ sabiħ

Dejjem interessatni l-istorja ta’ dan il-post. Fost l-oħrajn, hemm leġġenda sabiħa li tgħid li, ħafna snin ilu, kien hawn kappella li kienet iġġarrfet, u kienet għaddiet mill-inħawi waħda mara għamja flimkien ma’ binha, u qagħdu għal xi ħin jistrieħu fil-post qalb it-tiġrif. U l-mara semgħet vuċi tgħidilha biex tħaffer ftit fost it-tiġrif. Hekk għamel binha, u sabu statwa tal-Madonna. U l-mument li hi misset din l-istatwa tal-Madonna, bdiet tara. 

Għaliha, f’dak il-post li kien ħerba sabet mill-ġdid id-dawl, bis-saħħa tal-Madonna. Wara din l-esperjenza, kibret id-devozzjoni. Inbniet kappella ġdida, u saret post fejn tul is-snin tant nies ġew biex jaqilgħu grazzji mingħand il-Madonna.

Hija leġġenda b’messaġġ sabih ħafna. Tfakkarna f’verità importanti li narawha fil-ħajja tal-Madonna. Fil-ħajja tagħha narawha tgħaddi minn ħafna tbatija, minn mumenti iebsa u ta’ konfużjoni, esperjenzi ta’ dlam. U f’dawn il-mumenti qatt ma naraw lil Marija taqta’ qalbha, tibqa’ fid-dlam, imma naraw tinbet ħajja ġdida. Marija għaddiet minn ħafna mumenti ta’ tbatija, imma għarfet li Alla hu fidil magħha u joħroġ it-tajjeb mill-ħażin, is-sabiħ mill-ikrah, is-serenità mill-konfużjoni.

Omm li takkumpanjana

Din kienet b’mod speċjali l-esperjenza ta’ Marija taħt is-salib, meta setgħet tara biss sitwazzjoni mill-iktar kerha u ta’ tbatija fil-mewt ta’ binha fuq is-salib. Hekk kien jidher minn barra: ħajja li qed tispiċċa f’ħerba. Imma Marija emmnet li minn din it-tbatija kollha u l-mewt se toħroġ ħajja ġdida. Qiegħdet it-tama sħiħa tagħha f’Alla. U hekk seħħ bil-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet. Ġesù Rxoxt hu Ġesù rebbieħ, il-ħajja ġdida li tqum mill-ħerba.

Kien proprju fuq is-salib, fil-mument tal-akbar tbatija, li Ġesù tana lil Marija bħala ommna. Għalhekk il-Madonna tal-Ħerba hija l-omm li tfakkarna kontinwament u tgħinna nagħrfu li Alla mill-ħażin joħroġ it-tajjeb, li mit-tbatija joħroġ il-ferħ, mill-kruha joħroġ is-sabiħ. 

Dan hu messaġġ importanti għalina personalment, u għas-soċjetà kollha. Fil-ħajja tagħna personali jkollna mumenti ta’ konfużjoni, ta’ tħarbit, ta’ dlam. Ġieli naħbtu se naqtgħu qalbna, jew nogħtru taħt il-piż ta’ tbatija. Il-festa tal-lum tħeġġiġna biex inħarsu lejn Marija li tagħtina l-kuraġġ biex ma nċedux, biex nagħrfu li Alla joħroġ it-tajjeb mill-ħażin, il-paċi mit-taħwid. Mill-wied ta’ dmugħ li ngħaddu minnu, joħroġ il-ferħ.

Ma nagħmlux ħerba aħna

Il-kelma “ħerba” fi żmienna żgur li mal-ewwel tfakkarna fis-sitwazzjoni ta’ Gaża. Bis-saħħa tal-ftehim tal-paċi li għadu kif sar, issa l-eluf kbar ta’ nies ta’ Gaża, li kellhom jaħarbu, sejrin lura. Hemm purċissjoni twila ta’ nies, lura lejn darhom. Imma ħafna minnhom mhux se jsibu lil darhom. Se jsibu biss tifrik, ħerba sħiħa. Din hi l-ħerba li toħloq il-gwerra – ħerba li tikkawża sofferenza hekk kbira.

Marija tgħidilna: tkunux intom li ġġibu ħerba. Tistedinna biex noqogħdu tassew attenti f’ħajjitna li ma noħolqux ħerba. Il-ħerba nistgħu nagħmluha, per eżempju, bi kliemna. Kemm kliem jingħad jew jinkiteb, speċjalment fil-media soċjali, li jagħmel biss ħerba. Kultant tista’ tkun kelma waħda li toħloq tant uġigħ. Bħal meta familja tkun għaddiet minn traġedja, u jkun hemm kliem li juri nuqqas kbir ta’ sensitività. Bħal meta l-kliem jitfa’ l-ħatab fuq in-nar u joħloq diviżjoni u konflitti. Bħal meta l-kliem ikun kliem ta’ insulti, ta’ tgħajjir. 

Joħloq ħerba wkoll min ikasbar il-ħolqien li Alla tahulna biex ingawduh, biex nieħdu ħsiebu, biex ngħożżuh. Mhux biex dak li hu sabiħ inġibuh ikrah. Kultant bl-eċċessi ta’ bini bla kontroll, kultant ukoll minħabba r-regħba, nistgħu noħolqu ħerba mill-ħolqien ta’ Alla, ukoll jekk ningannaw ruħna li jkun progress.

Strumenti ta’ tama 

Marija tagħtina dan il-parir: tkunux dawk li ġġibu ħerba, imma kunu dawk li ġġibu tama ġdida f’sitwazzjoni ta’ ħerba. Marija tistedinna biex nissieħbu magħha u bħalha nfittxu dejjem li noħorġu l-ġid mid-deni, is-sabiħ mill-ikrah, il-paċi mill-konfużjoni, it-tama mid-disperazzjoni. Marija hija din l-omm li takkumpanjana u fl-istess waqt tgħallimna fil-ħajja tagħna. 

Nixtieq li llum nagħmel din it-talba għal kull wieħed u waħda minn personalment, għal din il-komunità li tiltaqa’ hawn u l-parroċċa, u għas-soċjetà Maltija: li jkollna devozzjoni lejn il-Madonna tal-Ħerba. Nitolbuha tgħinna billi toħroġ il-ġid mid-deni f’ħajjitna. Nitolbuha mhux biss li takkumpanjana f’dan, imma wkoll li tagħtina l-grazzja li nkunu nixbhuha bħala strumenti ta’ tama fost tant nies li jgħaddu minn sofferenza. Dan ikun l-isbaħ mod kif niċċelebraw f’ħajjitna lill-Madonna tal-Ħerba.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta