L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fil-bidu ta’ din il-quddiesa u dan ir-rit solenni u storiku għal din il-parroċċa għażiża, aħna raxxaxna l-ilma mbierek fuqna nfusna. U fakkarna l-wegħda li għamel Ġwanni l-Battista, fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, meta jgħid: Jiena għammidtkom bl-ilma, imma warajja ġej xi ħadd aqwa minni, li jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu. It-traxxix tal-ilma mbierek, lilna l-Insara jfakkarna dejjem fil-Mgħamudija tagħna.
Illum ukoll raxxaxna dan l-artal bl-ilma mbierek, għax minn hawn u ftit ieħor dan l-artal, bit-talba tal-Knisja, bid-dilka, biż-żejt tal-griżma, se jkun ikkonsagrat lil Alla. Dan il-frott tal-arti, dan id-disinn tal-bniedem, imma wkoll maħdum mill-elementi sbieħ tan-natura, bħalma hu l-irħam; u hi xi ħaġa li qegħdin noffru lill-Mulej, b’sens kbir ta’ gratitudni. L-irħam ma ħloqniehx aħna, sibnieh u qed nużawh f’xi ħaġa artistika ħafna. Id-disinn, l-arti, il-ħila tal-bniedem huma wkoll doni li l-Mulej jagħtina. Aħna qegħdin inrodduhomlu lura f’din l-offerta tal-komunità, u nitolbu li minn fuq din il-mejda, li issa se ssir mejda speċjali, il-Mulej joffrilna lilu nnifsu. Aħna se nwasslu fuq din il-mejda l-offerta tagħna, il-ħobż u l-inbid, il-Mulej bil-qawwa tal-kelma tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, dak il-ħobż u l-inbid ibiddilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Daqshekk hi għażiża din il-mejda li madwarha tiġbor il-komunità.
Jiena nistieden lil kull wieħed u kull waħda minnkom, membri għeżież ta’ din il-parroċċa, li f’dan l-Avvent, kelma meqjusa u ta’ mħabba tistiednu iżjed nies, iżjed membri tal-komunità biex jersqu lejn din il-mejda. Kemm tkun ħaġa sabiħa, li din il-mejda ssir iċ-ċentru tal-ħajja tagħna. Li aħna nifhmu bil-qawwa tal-Mulej, li tant hi kbira, li l-offerti ċkejknin tagħna, frott tal-art u xogħol il-bniedem, Hu jbiddilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu; u li lilna jmantnuna. Minn hawnhekk il-Mulej jgħaqqadna, il-Mulej jitmagħna ġismu, u jagħtina nixorbu demmu; minn hawnhekk jitfa’ l-barka tiegħu fuq il-komunità tagħna.
Ejjew nitolbu wkoll, li San Ġużepp, bil-ħarsien u l-patronċinju tiegħu, jibqa’ jħares lil din il-komunità, u jibqa’ jistedinha, biex tersaq lejn dan it-tifel ta’ Marija, li hu ngħatalu b’fiduċja biex jieħu ħsiebu. Hu mhux biss patrun tal-Familja Mqaddsa, imma wkoll patrun tal-Knisja. U l-knisja tinġabar madwar l-artal. Hi l-knisja, li permezz tas-saċerdozju, tagħti l-Ewkaristija lill-poplu. Imma l-poplu wkoll huwa dak li joffri l-ħobż u l-inbid lill-Mulej, li mbagħad jittrasforma, jittrasfigura, ibiddel fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnu.
Ejjew nitolbu wkoll, li din il-mejda tkun sinjal tal-għaqda u l-imħabba ta’ bejnietna. Ma jfissirx li se naqblu dejjem f’kollox. Imma la l-ħobża hi waħda, u l-kalċi hu wieħed, il-qalb trid tkun qalb waħda. Nitolbu għalhekk minn dan l-artal, il-Mulej iberikna bl-ispirtu li jġagħalna naħdmu flimkien għall-ġid tal-komunità, naħfru lil xulxin, inħobbu lil xulxin.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta
Qari tal-Quddiesa
L-Ewwel Qari: Iż 40:1-5,9-11
Salm: 84(85):8-9ab,10-14
It-Tieni Qari: 2 Piet 3:8-14
L-Evanġelju: Mk 1:1-8