Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Eċċellenza Sur President, Onor. Prim Ministru, Sur Speaker, Onor. Kap tal-Oppożizzjoni, għeżież ħuti Maltin u Għawdxin, aħna u noffru lil xulxin l-awgurju sabiħ tal-Milied it-tajjeb, qegħdin ukoll noffru lil xulxin l-ikbar don tal-paċi u tal-imħabba ta’ Alla.
800 sena ilu ġo raħal ċkejken fl-Italja, Greccio, San Franġisk kellu din l-idea straordinarja li fil-lejl tal-Milied jipprova joħloq l-atmosfera tal-għar ta’ Betlehem. Min hemmhekk twieldet l-idea tal-presepju. Il-qaddis tagħna San Ġorġ Preca ħadem ukoll biex din l-idea, li f’kull dar ikun hemm il-maxtura jew il-presepju, tkun xi ħaġa ħajja. Illum nirringrazzja ’l Alla li din it-tradizzjoni għadha magħna, qiegħda tikber u tissaħħaħ.
Imma aħna u nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlehem fix-xbihat qaddisa fid-djar tagħna, fil-knejjes tagħna, fl-ambjenti pubbliċi tagħna, kemm hi ħaġa sabiħa din, ejjew niftakru wkoll f’Betlehem tal-Lhudija fl-Art Imqaddsa li għaddejja minn żmien ta’ tbatija kbira, żmien ta’ kunflitt, qerda u mwiet. U niftakru li l-għajta tal-anġlu fil-lejl tal-Milied għadha għajta attwali: ‘Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba, lill-bnedmin li Alla tant iħobb’.
Ejjew nitolbu l-barkiet li talab fuq pajjiżna l-poeta nazzjonali Dun Karm: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
Jiena nawgura ’l kulħadd f’dan l-istaġun ta’ solidarjetà, f’dan l-istaġun fejn aħna nieħdu ħsieb xulxin, niltaqgħu ma’ xulxin, nieħdu sehem ukoll f’maratoni ta’ solidarjetà u ta’ mħabba għall-ġid tal-proxxmu tagħna f’dan l-istaġun ta’ rieda tajba. Nawgura li aħna wkoll ikollna l-esperjenza sabiħa tal-paċi f’qalbna.
Il-Milied it-tajjeb u s-sena ġdida mimlija risq u barka lil kulħadd.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta