Il-ġranet tal-Assemblea Kontinentali Ewropea fil-Mixja Sinodali li ġiet ċelebrata fil-Knisja Kattolika fil-ġranet li għaddew kienu “jiem ta’ smigħ u djalogu” li ġġeneraw “esperjenza profondament spiritwali b’metodu sinodali”.

Dan jistqarruh l-aħħar rimarki tal-Kumitat Redazzjonali li l-Ħamis li għadda ppreżenta l-ewwel abbozz ta’ dokument konklużiv li għad irid joħroġ mid-diskussjonijiet li nżammu fi Praga f’dawn il-jiem, u li għalihom kienu preżenti 156 delegat mill-Konferenzi Episkopali Ewropej, fosthom delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.

“Irroddu ħajr lill-Ispirtu għad-don li rċivejna u nixtiequ naqsmuh hawn. Inżilna fil-fond tal-intuwizzjonijiet li l-komunitajiet ekkleżjali tal-kontinent tagħna kisbu tul il-proċess sinodali, kif ukoll tat-tensjonijiet u l-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom il-Knejjes fl-Ewropa,” jgħidu r-rakkomandazzjonijiet konklużivi.

“Fuq kollox, ħassejna mill-ġdid l-uġigħ tal-feriti li jimmarkaw l-istorja riċenti tagħna, ibda minn dawk li l-Knisja kkawżat bl-abbużi minn nies li kellhom ministeru jew uffiċċju ekkleżjali. Semmejna bosta drabi l-vjolenza bla ħniena tal-gwerra aggressiva li qed tbiċċer lill-Ukrajna. Ħsibna fil-vittmi tat-terremot li fena lit-Turkija u s-Sirja”.

Id-dokument li se jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin, wara l-approvazzjoni tal-Isqfijiet Ewropej, “iħares f’għajnejn il-Knisja fl-Ewropa, bit-teżori kollha taż-żewġ tradizzjonijiet kbar tal-Punent u tal-Lvant”, u jafferma li “l-Knisja tagħna hi sabiħa, u l-varjetà li hemm fiha hi wkoll l-għana tagħha”. Għalhekk, ikompli, “inħobbuha aktar, minkejja l-ġrieħi li ħolqot, li għalihom trid titlob maħfra biex tista’ timxi għar-rikonċiljazzjoni, il-fejqan ta’ memorja, u biex tilqa’ lill-midruba”.

Il-ġranet tal-Assemblea kienu “esperjenza spiritwali” li wriet li “possibbli tiltaqa’, tisma’ lil xulxin u tiddjaloga”, minkejja “d-differenzi, l-ostakli u l-ħitan li l-istorja tpoġġilna fin-nofs”. Anzi, “irridu nħobbu l-varjetà fil-Knisja tagħna u nissapportjaw lil xulxin fi stima reċiproka, imsaħħa mill-fidi tagħna fil-Mulej u l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu”.

Id-dokument jesprimi l-fiduċja li l-Knisja tkompli taddotta stil sinodali, imdawwal minn “dixxerniment flimkien” tas-sinjali taż-żminijiet, fejn timmatura iżjed fil-mod kif tindirizza l-akkumpanjament tal-midruba, il-‘protagoniżmu’ taż-żgħażagħ, u tfittex x’titgħallem min-nies tal-periferija. Fl-istess waqt, dan jgħinha tindirizza t-tensjonijiet minn perspettiva missjunarja, mingħajr ma tħalli l-biża’ jipparalizzaha. Hu jsejjaħ ukoll għal sens ta’ korresponsabbiltà fil-Knisja u fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, li ġej mid-dinjità komuni li kull Nisrani rċieva fil-Magħmudija.

Fost il-prijoritajiet indirizzati, jissemmew approfondiment fil-formazzjoni u l-prattika ‘antika’ tas-sinodalità, il-kwistjoni ta’ Knisja iktar ministerjali, il-forom ġodda tat-tħaddim tal-awtorità fil-komunità ekkleżjali, kjarifika ta’ x’inhuma l-kriterji tad-dixxerniment, deċiżjonijiet iktar konkreti fuq ir-rwol tan-nisa, ir-riskoperta tal-liturġija u l-Ewkaristija bħala għajn ta’ komunjoni, u t-tiġdid tal-impenn missjunarju b’lingwaġġ li kapaċi jartikula l-‘aġġornament’ ġa mitlub mill-Konċilju Vatikan II, speċjalment f’kontinent li hu dejjem iżjed sekularizzat.

“Nibnu lill-Knisja Ewropea tagħna jfisser inġeddu l-impenn tagħna li nwettqu din il-missjoni, anki fil-kontinent tagħna, qalb kultura mmarkata minn bosta differenzi li aħna nafu x’inhuma”, jagħlqu r-rimarki fi tmiem l-Assemblea Kontinentali Ewropea, waqt li l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ Sinodali hi fdata f’idejn il-qaddisin patruni u l-martri tal-Ewropa!

F’kummenti li taw lil Newsbook il-Kardinal Mario Grech, Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, u l-Arċisqof Scicluna, it-tnejn fakkru li l-importanza singulari ta’ dan il-mument storiku fil-ħajja tal-Knisja hi li niskopru mill-ġdid is-sinodalità bħala parti mill-identità tal-Knisja, imdawla minn dawk it-tliet kelmiet li tpoġġew bħala mira għal dan is-Sinodu: “komunjoni, parteċipazzjoni, missjoni”.

Tista’ taqra r-rimarki sħaħ fuq https://www.synod2023.org/blog/2023/02/09/european-continental-assembly-final-remarks/, u ssir taf iktar dwar l-Assemblea fi Praga billi żżur https://prague.synod2023.org/en/.

Sors: Newsbook.com.mt