L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

It-talba li l-Knisja titlob f’dan il-jum għażiż u solenni f’Ħadd il-Palm u l-passjoni tal-Mulej hija talba ispirata mill-eżempju ta’ Ġesù u ssemmi żewġ attributi tal-eżempju ta’ Ġesù: l-eżempju tal-umiltà u s-sabar tiegħu.

Ejjew nitolbu f’ġieħ il-passjoni ħarxa ta’ Ġesù d-don kbir tal-umiltà, li aħna nipperswadu ruħna li ma nistgħux insalvaw lilna nfusna, imma li għandna bżonn radikali ta’ Alla, li għandna bżonn salvatur, li meta mingħalina niddeċiedu aħna xi jfisser progress mingħajr ma nifhmu xi jrid jgħidilna Alla, naqgħu fid-dagħbien, mhux tal-progress, imma tal-qerda tagħna nfusna. 

L-umiltà mhijiex it-tkasbir tad-dinjità tagħna, imma lezzjoni profonda li tagħtina ħelsien kbir li aħna niddependu minn Alla. Għandna bżonn l-eżempju tal-umiltà ta’ Ġesù, li ħafna drabi fil-mumenti tal-konfront jagħżel is-silenzju, imma qatt ma jiċħad il-verità tal-identità tiegħu, “Inti l-Iben ta’ Alla, il-Messija?” Ir-risposta tiegħu twasslu għall-kundanna ħarxa tas-salib u l-mewt. Ġesù ma jraħħasx il-verità, imma ma jagħżilx il-konfront vjolenti imma l-umiltà ta’ min iħobb sal-aħħar. 

Virtù oħra li l-Knisja tgħallimna llum hi u tħares lejn l-eżempju ta’ Ġesù huwa s-sabar tiegħu. L-Evanġelju ta’ San Mattew li għadna kemm qrajna jagħti protagonista lit-traditur, lil Ġuda l-Iskarjota, u fit-tradiment ta’ Ġuda hemm ukoll id-dnubiet tagħna u t-tradimenti tagħna. L-evanġelista ma jinsistix biss fuq it-tradiment ta’ Ġuda, imma jitkellem ukoll fuq iċ-ċaħda ta’ Pietru, il-fatt li d-dixxipli tal-Mulej telquh. 

Jitkellem ukoll imma fuq in-nisa li akkumpanjaw lil Ġesù fil-ministeru tiegħu u li kienu preżenti fil-mument tal-umiljazzjoni tiegħu, tas-sabar tiegħu. Jitkellem ukoll dwar Ġużeppi ta’ Arimatija li jagħti l-qabar lill-Mulej. 

U bħal tant mumenti fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, l-umiltà u s-sabar ta’ Ġesù jagħtuna mhux biss eżempju imma wkoll mod ta’ kif ngħixu. Fil-mumenti ta’ diffikultà, ta’ umiljazzjoni, ta’ tkasbir, fil-mumenti meta nħossu se naqtgħu qalbna, ejjew niftakru fl-umiltà u s-sabar tal-Imgħallem. 

Il-Knisja tfakkarna fl-umiltà u s-sabar ta’ Ġesù biex aħna jistħoqqilna nissieħbu miegħu fil-qawmien għall-ħajja. Waqt li nistennew bit-tama Ħadd il-Għid il-Kbir bħal-lum ġimgħa, ejjew nitolbu li f’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa aħna nissieħbu ma’ Ġesù fl-umiltà, fis-sabar u fl-għotja tiegħu.

I would like to greet our English-speaking guests and my heartfelt invitation for us all this week, this holy week, is that we imitate the example of humility and the patience in suffering that Jesus witnesses to in his passion. May these days be days of reflection that we join in Jesus in his glorious entry into Jerusalem, the paschal meal, but also his passion and resurrection. And as with the prayer of the Church may we heed his lesson of patient suffering and so merit a share in his resurrection.

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Is 50:4-7
Salm: 21 (22):8-9,17-18a,19-20,23-24
Qari II: Fil 2:6-11
L-Evanġelju:  Mt 26:14 – 27:66

Aktar ritratti