L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Meta Ġesù jsemmi n-numru 77, għall-mistoqsija ta’ Pietru xi kemm-il darba jrid jonqsu ħuh biex jaħfirlu, ma kienx qed isemmi dan in-numru bħala limitu – Pietru semma’ sebgħa u hu 77. Imma l-kelma 77 tfisser li għandek taħfer mingħajr limitu, li għandek taħfer dejjem.

Pietru fehem dan. Kien sema’ lil Ġesù jitkellem fuq il-maħfra u kemm il-maħfra hi importanti għal min ikun dixxiplu ta’ Ġesù. Hu stess kellu aktar tard jgħaddi mill-esperjenza tal-maħfra meta ċaħad lil Ġesù tliet darbiet u Ġesù ħafirlu.

Ġesù jridna naħfru dejjem. Iridna naħfru għaliex aħna diġà maħfura minn Alla. Alla lilna jaħfrilna u aħna naħfru bħalma hu jaħfer lilna. X’jiġifieri taħfer? Jiġifieri ma tpattix deni b’deni, ma tagħmilx ħsara lil min għamillek il-ħsara, ma tweġġax lil min weġġgħek.

Il-maħfra ma tfissirx li meta hemm sitwazzjoni ta’ inġustizzji u abbuż tagħlaq għajnejk u tħalli kollox għaddej – ma tfissirx hekk. Il-maħfra ma tfissirx li meta xi ħadd jonqsok, ma tibqax tħoss. Il-maħfra mhux għax ma tħossx. Il-maħfra marbuta mar-rieda. Kultant tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jkun naqsek jew weġġgħek u int f’qalbek tħoss xi ħaġa kerha għaliex iltqajt ma’ min weġġgħek. Meta tħoss dan, il-maħfra hi li tgħid: minkejja dak li nħoss, jien irrid naħfer. Mhux għax inħossni bilfors tajjeb, imma minkejja dak li nħoss, irrid naħfer. Hi għażla.

Għalhekk nitolbu lil Alla din il-grazzja llum, imdawlin mill-Kelma tiegħu, li naħfru dejjem lil min joqosna, lil min iweġġagħna, lil min jagħmlilna ħsara. Li aħna nemmnu li, kif uriena Ġesù, li meta naħfru nkunu ħafna aktar fil-paċi fil-qalb tagħna għax ma nħallux lil min għamlilna l-ħsara jżommna taħt difrejh. Inkunu ħafna aktar ħielsa, kif iridna Alla.

Nitolbu l-grazzja li aħna jkollna qalb li taħfer bħalma għallimna Ġesù u bħalma wriena Ġesù b’ħajtu, u speċjalment fil-mewt tiegħu meta ħafer, u qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju