L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti u ommi” (Mt 12:50). Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Mattew. Ġesu jgħid hekk meta kien qed jitkellem mad-dixxipli u ġew jgħidulu li ommu u qrabatu – ħutu tfisser qrabatu fil-kliem tal-Evanġelju – kienu qegħdin barra u qed ifittxu li jkellmuh. Kont tistenna li Ġesù jiskuża ftit ruħu ma’ dawk li kien qed ikellem, u jmur jara x’iridu ommu u qrabatu. Imma Ġesù, minflok mar, kompla jitkellem.
Forsi nistaqsu: Ġesù ġab ruħu b’nuqqas ta’ rispett lejn ommu u qrabatu? Qisu ma jimpurtahx minnhom, jew ma jagħtix każ tagħhom? Għax Ġesù li għamel hu: medd idu lejn id-dixxipli u qal: “Min hi ommi? U min huma ħuti?.. Dawn araw huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti u ommi” (Mt 12:48-50). Dan mhux kliem ta’ nuqqas ta’ rispett, jew għax Ġesù ma jimpurtahx. Meta tara dan il-kliem fil-fond, tinduna anzi li qed isemmi l-isbaħ karatteristika qabel xejn ta’ ommu Marija: li fittxet li tagħmel ir-rieda tal-Missier.
Fil-fatt, lil Marija meta niltaqgħu magħha fl-Evanġelju l-ewwel darba, fit-Tħabbira tal-Mulej, meta l-anġlu Gabriel jiġi u jħabbrilha li l-pjan ta’ Alla kien li ssir omm Alla, hi fil-bidu ma setgħetx tifhem, u staqsiet, u mhux bilfors fehmet kollox; imma meta għarfet li dik hi r-rieda ta’ Alla, qalet: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). U nafu li Marija mhux dakinhar biss qalitha, imma din għexitha ħajjitha kollha. Għexitha sal-aħħar mument, meta kienet taħt is-salib ta’ Ġesù u hemm qed tbati miegħu.
Il-parir li Marija tat huwa l-istess ukoll. Fit-tieġ ta’ Kana, hemm il-kliem ta’ Marija li hu l-parir tagħha lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dan hu l-aħħar kliem li qalet Marija u li hemm imniżżel fl-Evanġelju. U jaqbel eżattament mal-ewwel ġrajja meta naraw lil Marija tgħid: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. F’Marija għandna dik li għexet b’mod sħiħ dan li Ġesù qed jgħid hawnhekk: “Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri…” Għandna l-isbaħ eżempju f’Marija.
Hemm fil-fatt ġrajja oħra li taqbel eżattament ma’ din, fl-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù kien qed jitkellem u kien hemm waħda mara u bdiet tgħajjat u qaltlu: “Ħieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Lq 11:27). Bdiet tfaħħar lil Marija, lil ommu. Imma Ġesù qalilha: “Imma tassew ngħidlek, aktar ħienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha” (Lq 11:28). Hi faħħret lil ommu għax ommu, u Ġesù faħħar lil ommu qabel xejn għax hi semgħet il-kelma ta’ Alla u ħarsitha. Dik il-mara tkellmet fuq xi ħaġa li Marija biss setgħet tkun bħala ommu, u Ġesù tkellem fuq xi ħaġa li Marija kienet u aħna wkoll nistgħu nagħmluha: li nisimgħu l-kelma ta’ Alla u nħarsuha. Is-sabiħ ta’ dal-kliem ta’ Ġesù llum hu li lilna jrid jgħoddna membri tal-familja tiegħu, jekk aħna bħal Marija nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla u li ħajjitna ngħixuha tassew b’dan l-ispirtu.
Nitolbu lill-Mulej illum speċjalment b’dik it-talba li nagħmlu waqt il-Missierna: “ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art”. Nitolbuh biex aħna ngħixu tassew b’dan l-ispirtu sabiħ ta’ Marija li nfittxu li nagħmlu r-rieda tal-Missier f’ħajjitna u nkunu tassew għalhekk membri tal-familja tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta