
Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono żaret is-Seminarju Minuri tal-Arċisqof fil-15 ta’ Diċembru bħala parti mill-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank. Hi kienet akkumpanjata mill-Arċisqof Charles Scicluna, u l-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima.
Waqt li indirizzat lill-istudenti, il-President ħeġġithom biex ikunu parti minn L-Istrina ta’ din is-sena, billi jikkontribwixxu mill-ftit tagħhom. Spjegat li matul is-sena ltaqgħet ma’ xi studenti li wara l-iskola ma jsibux familja għand min imorru, u oħrajn li qed ibatu minħabba li l-mard ħakem lilhom jew lill-familja tagħhom. Fakkret lill-istudenti li huma dawn in-nies li jsibu wens u għajnuna mill-Malta Community Chest Fund, u li l-flus miġbura bħala parti mill-kampanja Piggy Bank imorru b’dan l-iskop.
Il-President irreferiet ukoll għall-valuri Insara li huma l-ethos tal-edukazzjoni tas-Seminarju, u ħeġġet lill-istudenti biex iżommu qalbhom u moħħhom miftuħ għall-oħrajn, biex ikunu ta’ spalla meta ħaddieħor jiġi bżonnha. Fissret li dawn il-ġesti żgħar ta’ kuljum ukoll huma importanti biex ikollna soċjetà li tħenn għall-proxxmu u li tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

Fis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, il-President ħeġġet lill-istudenti biex juru wkoll apprezzament u rikonoxximent lill-edukaturi tagħhom, waqt li rreferiet għall-edukazzjoni bħala l-pedament tat-tħejjija tal-mexxejja tal-futur. Fl-istess waqt, il-President aċċennat li l-mexxejja mhumiex biss l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, iżda wieħed isib mexxejja f’kull strata tas-soċjetà, fosthom l-istudenti nfushom, li appellatilhom biex huma wkoll ikunu mexxejja fost sħabhom.
L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-President taż-żjara tagħha fis-Seminarju Minuri tal-Arċisqof, li bil-preżenza u l-inizjattiva tagħha biex ngħinu lil ħutna fil-bżonn permezz tal-Malta Community Chest Fund, “qed tgħallimna li parti mir-rwol ta’ min hu msejjaħ biex jirrappreżenta lill-Istat tagħna huwa li tassew jieħu ħsiebna meta għandna l-iżjed bżonn.”
Spjega li ż-żjara tagħha tfakkar lit-tfal fid-dover tagħna li nkunu persuni ta’ għożża għal xulxin. “L-eżempju tagħha jispirana biex naħdmu flimkien u nkunu għaqda waħda u nieħdu ħsieb xulxin.”

L-Arċisqof żied jgħid, “Iżjed ma jkollok responsabbiltà, iżjed tikber fik is-sejħa biex lill-proxxmu tieħu ħsiebu, tkun għalih ta’ għożża. Dan hu l-ispirtu tal-Milied li qegħdin niċċelebraw.”
Fi tmiem iż-żjara tagħha, il-President wieġbet għal numru ta’ mistoqsijiet imħejjija mill-istudenti, li permezz tagħhom kellhom iċ-ċans isiru jafuha aħjar, il-valuri u t-tradizzjonijiet li trabbiet fihom, kif ukoll il-ħidma tagħha matul din il-Presidenza.





