L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kunu lesti” (Mt 24:44). Dawn iż-żewġ kelmiet, li nsibuhom fl-Evanġelju llum u li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, għandhom it-tifsira ta’ dak li l-Kelma ta’ Alla trid tgħidilna llum, fl-Ewwel Ħadd tal-Avvent. Kunu lesti.

Żewġ miġjiet

Għal xiex inlestu? Kif nafu, l-Avvent jippreparana għaż-żmien meta aħna niċċelebraw il-miġja tas-Salvatur fostna, għall-Milied, għal dak li sar tant snin ilu imma li hija l-ġrajja tas-salvazzjoni ta’ kull żmien – Alla li sar bniedem fostna. 

Imma fl-istess waqt l-Avvent jippreparana wkoll għat-tieni miġja ta’ Ġesù fil-glorja. Mhux biss għal dak li sar tant snin ilu, imma għal dak li jrid isir ’il quddiem – it-tieni miġja ta’ Ġesù fil-glorja. U għalhekk aħna mħeġġin biex inkunu lesti – inkunu lesti billi aħna nagħrfu li aħna mexjin lejn il-laqgħa tagħna mal-Mulej.

Inwarrbu dak li hu ħażin

Kif inkunu lesti? B’liema mod inkunu lesti? Hawnhekk il-Kelma ta’ Alla turina dan. L-ewwel ħaġa li tgħidilna, bħalma naqraw fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, hu biex aħna ngħixu kif jixraq, jiġifieri, “inwarrbu l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl” (Rm 13:12). Qed jgħid San Pawl: aħna nkunu lesti meta nwarrbu dak li hu ħażin. U jsemmi: “l-ikel żejjed u s-sokor, iż-żina u t-tbaħrid, il-ġlied u l-għira” (Rm 13:13). 

Dawn kollha huma ħżiena, u aħna mħeġġin biex inwarrbuhom, biex ma nħallux lil dawn jaħkmuna. Nistgħu nsemmu ħafna eżempji oħra mill-ħajja tagħna, fejn aħna jkollna għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Inkunu lesti meta aħna ngħixu tassew f’dan id-dawl, jiġifieri lii nwarrbu dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna.

Nibdlu l-ħażin fit-tajjeb

Il-Kelma ta’ Alla tgħidilna aktar minn hekk. Jekk aħna naraw l-ewwel qari mill-Profeta Iżaija, jurina li aħna mħeġġin mhux biss biex inwarrbu dak li hu ħażin imma biex nagħmlu ħilitna ħalli nibdlu l-ħażin fit-tajjeb. Hemm dik is-sentenza sabiħa meta jgħid: “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” (Iż 2:4). 

Xi tfisser din? Tfisser li dak li hu għodda għall-ġlied, għall-konflitti, aħna nibdluh f’għodda biex nagħmlu l-ġid. Għalhekk, flok nagħżlu dak li b’xi mod jew ieħor jifridna, jew joħloq id-diviżjoni, jew iweġġa’, nagħżlu dak li jagħmel il-ġid. Għalhekk aħna mħeġġin mhux biss biex inwarrbu l-ħażin imma biex naħdmu ħalli nibdlu l-ħażin fit-tajjeb, inkunu strumenti ta’ dak li Alla jrid minna – li nagħżlu dak li hu tajjeb, u l-ħażin nibdluh f’tajjeb.

Ma ngħixux aljenati

Imbagħad Ġesù jgħidilna ħaġa oħra fuq kif inkunu lesti. Innutaw li l-kliem li jsemmi Ġesù mhumiex affarijiet ħżiena. Meta jgħid li fi żmien Noè “kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu” (Mt 24:38) u jsemmi dawk li “kienu fl-għalqa” (Mt 24:40) jew inkella “jitħnu” (Mt 24:41) – dawn affarijiet tajbin. Ġesù mhux qed isemmi hawn, bħalma smajna f’partijiet oħra tal-Kelma ta’ Alla, affarijiet ħżiena. Qed jgħid affarijiet tajbin. 

Imma x’qed jgħid Ġesù? Dawn kienu tant medhijin fil-ħajja ta’ kuljum li ma tawx każ lil Alla, li għexu aljenati. Din hi tentazzjoni li jista’ jkollna anke aħna llum – li sejrin minn ħaġa għal oħra, qed ngħid f’affarijiet tajbin mhux ħżiena, imma minn ħaġa għal oħra, u rridu nagħmlu hekk, u nagħmlu hekk, u ninsew lil Alla li hu l-għajn ta’ kull ġid, u ngħixu għalhekk ħajja aljenati. 

Dan li qed jgħid Ġesù: li għandna noqogħdu attenti li jkollna dejjem din ir-relazzjoni ma’ Alla li aħna nsaħħuha. Għax it-tentazzjoni tagħna llum hi li aħna nkunu konnessi ma’ xulxin, ma’ kulħadd, anke permezz tal-mobile – mal-ewwel, hekk kif trid titkellem ma’ xi ħadd u tibgħat messaġġ – u ninsew il-konnessjoni tagħna ma’ Alla, li jagħtina tassew l-iskop tal-ħajja tagħna u d-dawl fil-ħajja tagħna. L-appell ta’ Ġesù hu: inkunu lesti meta aħna nagħrfu lil Alla u nħallu lilu jmexxina fil-ħajja tagħna. Ma ngħixux aljenati, imma nħallu lilu li dejjem jigwidana fil-ħajja tagħna.

Mhux bil-biża’ f’qalbna

U b’liema spirtu nkunu lesti? Din hi importanti wkoll, għax meta taqra l-kelma ta’ Ġesù, bħal partijiet oħra li smajna f’dawn il-ġranet, qisek tieħu impressjoni ta’ biża’ – li Ġesù qed ibeżża’. Imma l-ewwel Insara mhux hekk fehmuh. Meta semgħu dan il-kliem ta’ Ġesù, ma fehmux li qed ibeżżagħhom, imma li qed jurihom ir-realtà, u jekk huma jgħixu tassew bħala dixxipli tiegħu, ma għandhomx għalfejn jibżgħu. Anzi, għandhom jersqu bil-ferħ u jkollhom il-paċi fil-qalb. Għalhekk fis-Salm għedna: “Immorru ferħana f’dar il-Mulej” (ara Salm 122:1). U bħalma niġu ferħana f’dar il-Mulej hawnhekk nhar ta’ Ħadd, hekk għandna nkunu ferħana li resqin għal-laqgħa tagħna mal-Mulej fil-glorja.

Ma għandniex għalfejn nibżgħu jekk aħna nagħtu kasu u ngħixu tassew kif irid hu. U rrid nenfasizza din, għax kultant inkun hemm min iwassal kelma flok ta’ kuraġġ, kelma ta’ biża’. U jitkellem fuq  x’se jiġri dak inhar, dak il-ħin – u n-nies jibdew jibżgħu għax il-biża’ faċli jixtered. U mbagħad ma jiġri xejn dak inhar, dak il-ħin, u jgħidu: ħadna żball fid-data, forsi s-sena d-dieħla, jew ta’ wara, u ngħixu fil-biża’. Ma għandniex ngħixu fil-biża’ jekk aħna nagħtu każ tassew ta’ dak li jrid Alla, u nħallu lilu jimlielna qalbna bil-paċi, bl-imħabba, bil-ferħ.

F’dan l-ewwel jum tal-Avvent, nitolbu lill-Mulej din il-grazzja. Li aħna, kif ħeġġiġna hu, inkunu lesti. Inkunu lesti biex niltaqgħu miegħu fil-glorja, u għal dan inlestu billi f’ħajjitna llum nimxu tassew “fid-dawl tal-Mulej”, u nħallu lilu jakkumpanjana fil-mixja tal-ħajja tagħna u jimlielna qalbna tassew bil-paċi, bl-imħabba, u bil-ferħ tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta