L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ma fehmux x’ried jgħidilhom” (Ġw 10:6). Dan huwa li naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann meta Ġesù kien qed ikellem lin-nies bil-parabboli u huma ma fehmuhx. Mhijiex l-ewwel darba li ma fehmux. Ġesù kien qed ifisser kif hu r-ragħaj it-tajjeb, imbagħad ikompli jispjega wkoll kif hu l-bieb tan-ngħaġ. Jispjegalhom bil-parabboli, imma huma ma fehmux. Imma fl-aħħar jgħidilhom xi ħaġa li nixtieq li llum nieqfu speċjalment fuqha għaliex tiġbor ħafna l-missjoni ta’ Ġesù fost in-nies: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq xi ħaġa tant importanti għad-dixxipli tiegħu u għalina: li nifhmu li Ġesù ġie biex aħna jkollna l-ħaja.

X’ifisser li jkollna l-ħajja? Ifisser li mhux biss neżistu imma ngħixu, u ngħixu kemm jista’ jkun ħajja tajba, sabiħa, b’dinjità; li skont is-sitwazzjoni tagħna, skont il-possibbiltajiet, inkunu wkoll nistgħu ingawdu l-ħajja. Il-ħajja bil-kotra li ġabilna Ġesù hija l-ħajja li ngħixuha fil-grazzja tiegħu, u għalhekk li jkollna tassew l-għeruq fejn għandhom ikunu fil-ħajja tagħna. Tfisser li, jekk aħna rridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù, irridu nagħmlu wkoll din l-għażla favur il-ħajja.

X’ifisser li aħna, bħalma qed jgħid Ġesù, ikollna din l-għażla favur il-ħajja? Ifisser li, f’kull waqt, dak li jiggwidana jkun dan il-prinċipju: li aħna ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Qed ngħid ngħożżu l-ħajja mill-bidu, jiġifieri mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha fejn hemm diġà ħajja umana. Hemmhekk ma nistgħux nirraġunaw, kif kultant ikun hemm min jirraġuna: jekk inti taċċettaha, hemm ħajja, jekk ma taċċettahiex tista’ tiddisponi minnha. Le, jekk hemm ħajja umana għandna ngħożżuha mill-ewwel mument tal-eżistenza tagħha, mit-tnissil tagħha. U tkompli hekk, imbagħad, sat-tmiem naturali. Għalhekk jekk ikollna tassew dan il-valur kbir tal-għożża tal-ħajja, kif qed isemmi Ġesù, ifisser li aħna għandna ngħinu lin-nies, speċjalment lil min ikun għaddej minn tbatija, minn mard kiefer, biex japprezza l-ħajja tiegħu jew tagħha – li xorta għandha valur u valur kbir – u b’ebda mod ma nkunu aħna li flok nuru dan l-appoġġ u s-sapport ikollna f’moħħna li dil-persuna ngħidulha: il-ħajja tiegħek ma tiswiex, tista’ taħseb biex ittemmha l-ħajja tiegħek. Aħna, min-naħa tagħna, għandna dejjem ngħinu b’solidarjetà biex kulħadd japprezza l-ħajja tiegħu jew tagħha.

Dan hu li qed jgħid Ġesù. Meta qed jgħid li aħna jkollna l-ħajja u l-ħajja bil-kotra, ifisser li aħna nagħrfu li l-ħajja ma għandhiex prezz, imma għandu valur kbir ħafna, valur infinit. U l-ħajja ta’ kulħadd: ta’ min hu Malti u ta’ min hu barrani, ta’ min hu żagħżugħ jew żagħżugħa u ta’ min anzjan jew anzjana, ta’ min hu b’saħħtu jew b’saħħitha u ta’ min nieqes mis-saħħa, ta’ min jemmen u ta’ min ma jemminx. Il-ħajja ta’ kull persuna għandha valur, u aħna għandna nuru l-istima sħiħa lejn il-ħajja ta’ kull persuna.

Ġesù, meta jgħid “il-ħajja bil-kotra”, ifisser ukoll il-ħajja li ma tintemmx hawn, imma li tkompli ssib il-milja fil-ħajja ta’ dejjem. Aħna għandna l-grazzja li ġabilna Ġesù bil-qawmien tiegħu: li l-ħajja ma tintemmx hawnhekk, imma ssib il-milja tagħha fil-ħajja ta’ dejjem flimkien ma’ Alla. Imma l-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem lilna jkompli jimbuttana biex hawn nagħmlu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn ħafna aħjar, ħafna isbaħ, u li hawn ngħinu speċjalment lil dawk li b’xi mod jew ieħor ikunu qatgħu qalbhom mill-ħajja, jew li għaddejjin minn żmien verament diffiċli, biex jagħrfu li l-ħajja tagħhom għandha valur kbir, u għandna dejjem nagħtu l-għajnuna, nuru l-appoġġ tagħna lil dawk li b’xi mod jew ieħor għaddejjin mit-tbatija minħabba f’hekk.

Nitolbu lill-Mulej: kompli għallimna, urina li l-ħajja għandha valur kbir, li aħna għandna ngħożżu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn, u li magħqudin miegħek inti tgħinna biex fil-ħajja tagħna nkunu tassew f’mixja li twassalna miegħek għall-ħajja ta’ dejjem. 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju