L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Illum fl-Ewwel Qari (2Slat 5:1-15) smajna l-istorja sabiħa ta’ dan il-fizzjal mis-Sirja, Nagħman, li kien marid bil-lebbra u li permezz tal-profeta tal-Mulej, il-profeta Eliżew, reġa’ sab il-fejqan.
L-Evanġelju jintagħżel għax propju huwa Ġesù stess li jsemmi dan l-episodju: “Kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja” (Lq 4:27). Ġesù qed jinsisti li l-barka ta’ Alla u l-fejqan tiegħu ma jafux fruntieri.
Aħna bħalissa qegħdin nagħmlu l-esperjenza li l-mard m’għandux fruntieri. Il-mard ma jħares lejn wiċċ ħadd. U allura lkoll kemm aħna, aħna min aħna, għandna bżonn protezzjoni u fejqan.
Illum nitolbu b’mod speċjali għat-tobba kollha, għan-nurses kollha, għall-istaff kollu fl-isptarijiet u anke fl-ispiżeriji tagħna, fil-professjonjiet kollha li qegħdin joffru servizzi tas-saħħa, ħadd eskluż. Ilkoll kemm aħna għandna dover kbir nitolbu għal dawn in-nisa u rġiel li qegħdin jagħtu ħajjithom litteralment.
Nitolbu wkoll għal min qiegħed imexxi ’l pajjiżna biex ikollu d-dawl meħtieġ f’sitwazzjonijiet tassew diffiċli.
Huwa att ta’ karità kbira ta’ kull wieħed u waħda minna li aħna ma nesponux lil xulxin għall-periklu. Nobdu d-direttivi li nirċievu sabiex inkunu ta’ eżempju, ta’ kuraġġ, imma wkoll ta’ protezzjoni għal xulxin.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 5, 1-15a
Salm: 41 (42), 2.3; 42 (43), 3.4
Evanġelju: Lq 4, 24-30