-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
22 ta’ Ġunju 2019“Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2:11).
Illum ilqajna l-istedina ta’ Marija ta’ Nazaret, omm Ġesù, mara umli u rżina, u smajna l-istedina tagħha li tasal fil-qalb tagħna bil-kelma ‘ejja’, hekk kif hemm miktub fuq il-kappella oriġinali ta’ dan il-post qaddis u mbierek. Il-Maltin u l-Għawdxin ilhom għal sekli sħaħ jiġu hawnhekk fl-Għarb fit-tarf tal-gżejjer tagħna u jqimu dan il-kwadru li ilu magħna għal dawn l-aħħar 400 sena sa mill-1619 kif hemm miktub fuq il-kwadru nnifsu.
‘Ejja!’ Imma din l-istedina tal-omm għalxiex qed ssejħilna? Qed ssejħilna biex bħalha nerħu ruħna f’idejn il-Kelma ta’ Ġesù. B’dawk il-kelmiet qaddisa “agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5), l-omm li kienet diġà ntelqet għall-Kelma ta’ Alla li jistedinha biex issir ommu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, issir parti mill-familja ta’ dawn id-dixxipli li jaraw il-glorja ta’ binha u jemmnu fih.
“Agħmlu kulma jgħidlkom hu”. Permezz ta’ dawn il-kliem l-omm iċċedi għar-rieda ta’ binha u turih il-bżonn ta’ dawk l-għarajjes li m’għandhomx inbid. Imma hu jinsisti li s–siegħa tiegħu għadha ma waslitx (Ġw 2:4). L-omm ma tinsistix, imma terħi ruħha f’idejn il-Kelma u r-rieda ta’ binha. “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Hi tikkonferma dak li qal meta qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk”. Hu dar lejn min kien jisimgħu u qalilhom li kull min jisma’ l-Kelma ta’ Alla, huma ommu, ħuħ u oħtu (ara Mt 12, 47-50).
“… l-Missier tas-sema u l-omm bl-ordni tan-natura, jiltaqgħu meta jagħtuna l-istess parir: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.
“Agħmlu kulma jgħidlkom hu,” isimgħuh u obduh. Din il-kelma l-omm tantiċipa l-Kelma tal-Missier tas-smewwiet li fuq it-Tabor jgħidilna: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mt 17:5). Nistgħu ngħidu li l-Missier tas-sema u l-omm bl-ordni tan-natura, jiltaqgħu meta jagħtuna l-istess parir: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Marija tistedinna biex nidħlu fid-dar tal-familja ta’ Ġesù; mhijiex binja kwalunkwe għaliex qed tistedinna nidħlu fid-dar ta’ binha u nsiru tassew parti mill-familja tiegħu.
Meta fuq is-salib Ġesù jħares lejha, jilmaħ ukoll lil oħtha. Aħna nafu li taħt is-salib, kif jgħidilna l-Evanġleju ta’ San Ġwann, “kien hemm ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u nisa oħrajn” (Ġw 19:25). Għalkemm Marija ma kinetx weħidha, Ġesù ma jafdahiex lil oħtha u lill-familja li ġejja mid-demm, imma jafdaha lid-dixxiplu l-maħbub. “Hawn hi ommok … hawn hu Iinek” (Ġw 19, 26-27).
L-għażla ta’ Marija fit-tieġ ta’ Kana, jiġifieri li tissieħeb ma’ dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ binha u jagħmluha, jikkonfermahielha Ġesù stess fuq is-salib meta bħala l-familja tagħha l-ġdida ma jagħżlilhiex lil qrabatha imma lid-dixxipli, anzi lid-dixxiplu l-maħbub. Aħna wkoll irridu nirċievu mingħand Ġesù, mhux biss id-don tal-aħwa li huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmluha, imma wkoll id-don sabiħ tal-omm li qabilna għażlet li tkun id-dixxiplu u tagħmel dak li jgħid l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf tagħha. Il-Mulej mhux biss jifraħ bl-għażla ħielsa ta’ omm li tagħżel tissieħeb fil-familja l-ġdida ta’ binha.
Marija kien jistħoqqilha wkoll li tkun għalina sinjal tad-destin sabiħ li qed jistenniena. Għaliex jekk Ġesù huwa l-ewwel frott tar-rebħa tal-imħabba fuq il-mewt, tal-ħajja fuq il-qerda, ommu Marija ta’ Nazaret hija frott immedjat. Lil ommu taha l-privileġġ li ma tarax it-taħsir tal-qabar; hi li ma kinetx taf x’inhu t-taħsir tad-dnub għaliex Alla, permezz tal-merti ta’ binha stess, ħarisha mid-dnub, hekk ukoll bil-merti tal-mewt u l-qawmien tal-istess binha, Marija tiġi mħarsa mit-taħsir tal-qabar.
Hawnhekk, fl-1883, Karmni Grima u Franġisk Portelli semgħu vuċi li tistedinhom jersqu lejn il-kappella u jidħlu jitolbu tliet Ave Marijiet. Hawnhekk, fl-1883, ingħatathilna din l-istedina ħelwa ‘ejja’. Aħna li ngħoddu lilna nfusna mal-imgħammdin, illum Marija qed isejħilna biex ngħixu l-Magħmudija tagħna. Aħna li mgħaddsin fi Kristu, ngħixu fih u ngħumu fil-ħniena tiegħu, ejjew inħalluh jibdel il-ħafna ilma li għandna fiż-żnieġel il-kbar tagħna fl-inbid il-ġdid li huwa tajjeb wisq: “Inti l-inbid it-tajjeb erfajtu s’issa” (Ġw 2:10).
Nitolbu biex l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej jitfa’ fuq pajjiżna l-barka tiegħu, l-ispirtu ta’ mħabba, ta’ rażan, ta’ tjieba, ta’ qawwa, u fuq kollox l-ispirtu tal-għaqda u tal-maħfra.
It-talba tiegħi f’dan il-pellegrinaġġ li jgħaqqad lid-djoċesi ta’ Malta u ta’ Għawdex, hi li aħna l-Maltin ma nehdew qatt inxandru u nwasslu l-Bxara t-Tajba li l-Mulej Ġesù huwa ħaj, li aħna parti mill-familja tiegħu, li ngħoddu lil Marija ta’ Nazaret bħala l-omm tagħna u li nissieħbu magħha fit-talb flimkien mas-suċċessuri tal-appostli, mal-isqfijiet, mal-presbiteri tagħna, mad-djakni, mal-lajċi missjunarji, mal-katekisti, u ma’ dawk kollha li qed jieħdu bis-serjetà l-Kelma ta’ Ġesù f’ħajjithom. Nitolbu biex l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej jitfa’ fuq pajjiżna l-barka tiegħu, l-ispirtu ta’ mħabba, ta’ rażan, ta’ tjieba, ta’ qawwa, u fuq kollox l-ispirtu tal-għaqda u tal-maħfra.
Illum ippermettuli nirringrazzja mill-qalb lil kull min qed isegwina permezz tal-midja soċjali. Inwassal it-tislima ta’ kull wieħed u waħda minna lil Mons. Giovanni Cefai, wild din id-djoċesi mbierka ta’ Għawdex, wild il-parroċċa taż-Żebbuġ u missjunarju tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li llum qed jiġi kkonsagrat Isqof fil-Perù. Mons. Cefai hu missjunajru ieħor li l-Mulej għażel biex ikun suċċessur tal-appostli. Mons. Cefai għażel din il-ġurnata qaddisa tat-22 ta’ Ġunju biex fiha jkun ikkonsagrat isqof. Aħna nawgurawlu u nsellmu lil tant isqfijiet Maltin u Għawdxin li qegħdin iservu l-poplu ta’ Alla fid-dinja. Nixtieq insellem ukoll b’mod partikolari lil Mons. George Bugeja tal-ħidma tiegħu fil-Libja li kif tafu hi waħda mill-iżjed diffiċli li hawn fil-Knisja bħalissa. Nitolbuh u nwegħduh is-sapport kollu tagħna.
Insellem lil ħuti l-isqfijiet, b’mod speċjali lill-isqof ta’ din id-djoċesi, lil ħija l-Isqof Mario. Nistedinkom biex titolbu għalina ħalli aħna nkunu dixxipli tal-Mulej, li aħna ukoll ngħidulkom il-kliem ta’ Marija u dak biss ikun il-kliem ta’ fommna: “Agħmlu kulma jgħidlkom hu”. Nitolbu għas-saċerdoti tagħna, għad-djakni, imma nixtieq ukoll nitolbu għal-lajċi tagħna, għall-familji, għal kull min qiegħed jieħu sehem fis-servizz tal-komunità. Insellem lill-Onor. Ministru għal Għawdex.
Aħna għandna bżonn nissapportjaw lil xulxin b’kelma ta’ kuraġġ u bil-kelma tas-sewwa. Fl-istess ħin nitolbu li fil-qalb tagħna jkun hemm dejjem sentimenti ta’ ġid għal kulħadd bħalma kien jgħid San Ġorġ Preca, u deni lil ħadd. Kemm kienet sabiħa din l-espressjoni ta’ San Ġorġ Preca. Hemm bżonn nitgħallmuha sew. ‘Ġid lil kulħadd, deni lil ħadd’. Jekk hemm talba oħra li jagħtina San Ġorġ Preca, li kif tafu kien devot tal-Madonna, hija dik li aħna lil Alla ma ninsewhx. Bi tnehida San Ġorġ Preca kien jgħid: ‘Għal ħafna nies, Alla qisu żero kbir’. Żero kbir! Imma jekk tagħmel numru quddiem iż-żero, jiġi aħjar, mhux hekk? Aħna wkoll lil Alla minn żero nagħmluh isarraf billi jkun l-ewwel fil-qalb tagħna. Allura llum, bħala Maltin u Għawdxin f’riġlejn il-Madonna Ta’ Pinu, lil Alla ngħidulu flimkien: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Żak 2, 14-17Qari II: Atti 1, 12-14; 21-4Evanġelju: Ġw 9, 2, 1-11 -
-
-
-
-