L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitlaq il-Galilija u l-Lhudija li huma t-territorju tal-poplu ta’ Iżrael u jerħilha lejn Tir u Sidon. Kienu żewġt ibliet fuq ix-xatt tal-Mediterran, iħarsu lejna jiġifieri, u kienu wkoll bliet prattikament pagani.
Ġesù jersaq lejn territorju li suppost huwa territorju ostili, li huwa territorju li m’għandux fidi fih, imma jersaq lejh. U toħroġ mara minn dawk l-inħawi, mara Kangħanija. Hi tindirizza ’l Ġesù bħala: “Bin David” (Mt 15:22). Semgħet min hu u taf ukoll li huwa bniedem speċjali li ħareġ mill-poplu Lhudi. U tgħidlu wkoll “Mulej” (Mt 15:25). Għaliex tersaq lejh? Hija inkwetata ħafna għal bintha: “Binti għandha fiha xitan, magħdura ħafna” (Mt 15:22).
Is-silenzju ta’ Ġesù jixxukkjana għax aħna lil Ġesù nafuh bħala dak li malli jara l-bżonn, iressaq idu lejn kull min qed jitolbu u jagħtih l-għajnuna. U din ix-xi ħaġa mhux biss tixxukkjana imma nħossuha stramba. Ġesù stess f’dan il-mument qed jipprova jifhem Alla l-Missier xi jrid minnu. Meta d-dixxipli jippruvaw jgħidulu: “Imma inti eħles minnha” (Mt 15:23), għax dejjqitna bil-Malti, “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael” (Mt 15:24).
F’dan il-mument Ġesù qed jirrifletti fuq il-missjoni tiegħu, qed jipprova jobdi ’l Missier, qed jipprova jifhem jekk għandux iwassal is-salvazzjoni tiegħu anke lil din il-mara Kangħanija, anke lil dan il-poplu pagan.
It-talba ta’ din il-mara li tirrappreżenta lilna, aħna l-Maltin konna fl-istess sitwazzjoni fiż-żmien ta’ Ġesù, mhux għax m’aħniex illum ukoll. “Għinni Mulej”. It-talb ta’ din il-mara Kangħanija hija wkoll it-talba ta’ kull wieħed u waħda minna.
U Ġesù f’dan id-djalogu li jwasslilna l-evanġelista Mattew, juża titlu li l-poplu Lhudi kien juża biex jirreferi għan-nies ta’ Kangħan u għall-pagani. Kienu jsejħulhom ‘ġriewi’ jew ‘klieb’. U Ġesù jgħidilha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi” (Mt 15:26). Aħna ma nafuhx hekk lil Ġesù, ma nafux lil Ġesù juża kelma iebsa li l-mara Kangħanija kienet tifhem, li kien l-insult li bihom jinsulentawhom il-Lhud.
Ftit qabel Ġesù kien ħadha kontra l-kapijiet tal-Lhud għaliex mingħalihom huma l-iżjed safja u kulħadd dubbien, bħalma ngħidu aħna l-Maltin, u b’xi mod f’dan id-djalogu hemm ukoll il-frustrazzjoni tiegħu għal dan il-kliem iebes li l-poplu tiegħu stess kien juża għal ħaddieħor għax huma differenti, għax mhux magħna, għax mhux tal-istess reliġjon tagħna. Tifhmu li aħna ma tantx tbiddilna.
San Pawl l-Appostlu Missierna li ġie fostna meta aħna konna pagani, ma wasslilniex biss il-kelma ta’ Ġesù imma anke l-fejqan tiegħu
Imma kemm hi għarfa din l-omm, għax la għandha bint hija omm, mhijiex biss mara Kangħanija, hija omm Kangħanija. B’umiltà kbira taċċetta l-fatt li hekk kienu jissejħu: ‘klieb u ġriewi’: “Hekk hu, Mulej” tgħidlu, “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidinhom” (Mt 15:27).
U Ġesù hawnhekk qalbu tinħall, jifhem li din il-mara bl-umiltà u l-fidi tagħha, bl-imħabba lejn bintha magħdura, fetħitlu l-missjoni tiegħu għall-ġnus kollha. Alla l-Missier kellem lil Ibnu permezz ta’ din il-mara li meta rat lil bintha magħdura, fittxet is-salvazzjoni għaliha u għal bintha. “Mara, il-fidi tiegħek kbira. Ħa jsirlek kif tixtieq” (Mt 15:28).
Mhux ta’ b’xejn illum fl-Ewwel Qari l-Knisja twasslilna l-profezija sabiħa ta’ Iżaija. “Dari dar it-talb għall-popli kollha” (Is 56:7), mhux għall-poplu ta’ Iżrael biss, mhux għal dawk li jaħsbu li huma safjin u jistgħu jħarsu lejn ħaddieħor bħala xi ġeru jew dubbien, kif ngħidu aħna. Imma ilkoll mistednin nidħlu fid-dar ta’ Alla.
San Pawl l-Appostlu Missierna li ġie fostna meta aħna konna pagani, ma wasslilniex biss il-kelma ta’ Ġesù imma anke l-fejqan tiegħu. Ma kellhomx il-fidi fl-appostlu ta’ Ġesù? Publiju l-protos tagħna u l-abitanti kollha tal-gżira li kellhom xi ħadd marid qalu: ‘immorru għand dan ir-raġel li qed ikellimna fuq dan Ġesù għaliex qed iwasslilna l-fejqan’.
Il-mara Kangħanija tal-Evanġelju bl-umiltà u l-fidi tagħha tirrappreżentana lkoll. Jalla aħna nitgħallmu minnha ma naqtgħux qalbna anke meta nħossu li l-Mulej donnu ttarrax, donnu ma jridx jaf bina. Ninsistu. L-umiltà u l-fidi tagħna lil Alla mhux biss trattablu qalbu imma tkellmu kemm għandna bżonnu u kemm nixtiquh.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 56, 1.6-7
Salm: 66 (67), 2-3.5.6.8
Qari II: Rum 11, 13-15.29-32
Evanġelju: Mt 15, 21-28