L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Fi skola kien hemm għalliem li kien qed jitkellem mat-tfal u jipprova jfehimhom, fil-klassi tar-Reliġjon, kif aħna lkoll imsejħin għall-qdusija. Għamlilhom din il-mistoqsija: “X’inhu l-aħjar, għaxra min-nies Insara ta’ veru, li jgħixu l-fidi tagħhom, jew mija li jkunu Nsara tal-isem, jgħidu li huma Nsara imma jagħmlu li jfettlilhom?” It-tfal ma sabuhiex diffiċli jweġbuh: “Aħjar ikollok għaxar Insara ta’ veru!” Imbagħad għamel mistoqsija oħra: “Allura ma jkunx aħjar li kieku fil-Knisja nneħħu lil dawk li mhumiex Insara ta’ veru, dawk li jgħidu li huma Nsara imma jagħmlu l-kontra ta’ dak li nemmnu, ma jkunx aħjar jekk neliminaw lil dawn u jibqgħu biss l-oħrajn, il-ftit?” It-tfal bdew qishom jaqblu miegħu, ħassew li aħjar ikollok Knisja ideali. Imma kien hemm tifla li staqsietu u qaltlu: “Min se jagħmilha din, min se jiddeċiedi min huma t-tajbin u min huma l-ħżiena, min hu tassew Nisrani u min hu tal-isem biss?”

Din tfakkarni ħafna fil-kliem li qal Ġesù llum fil-parabbola, meta semma lil sid il-għalqa li fl-għalqa kellu l-qamħ miżrugħ imma l-għadu żera’ s-sikrana. Kif bdiet titfaċċa din, il-qaddejja qalulu: tridx immorru niġbru s-sikrana ħa jibqa’ biss it-tajjeb? Imma hu qalilhom: “Le, għax għandkom imnejn intom u tiġbru s-sikrana, taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad”.

Ġesù jgħid li ħafna mit-tajjeb li nistgħu nagħmlu fil-ħajja hu proprju fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr fanfarunati, mingħajr affarijiet spettakulari.

Din tfakkarna f’xi ħaġa importanti għall-ħajja li ngħixu aħna: fil-ħajja dejjem se nsibu t-tajjeb u l-ħażin, u min jipprova jgħix il-fidi bis-sinċerità u min le. Din insibuha fil-ħajja u wkoll insibuha fil-Knisja. Li qed jgħid Ġesù hu l-ewwel nett li m’għandniex niskantaw b’dan. Kultant nitkellmu fuq il-ħażin qisu l-ħażin deher f’dan l-aħħar żmien fid-dinja; imma l-ħażin kien dejjem u jibqa’. Ma għandniex niskantaw li ngħixu f’dinja fejn hemm il-ħażen.

Jgħid ukoll xi ħaġa oħra importanti: li l-ġudizzju tal-persuni aħna rridu nħalluh f’idejh, fil-ħin li jaf hu u l-mod li jaf hu, għax huwa hu li jagħraf tassew il-qalb tal-bniedem. Mhux f’idejna li aħna nħarsu u nibdew naqilgħu ’l barra lin-nies li jidhrilna li huma ħżiena biex jibqgħu t-tajbin. Mhix f’idejna imma f’idejn Alla. Għax aħna kapaċi nagħmlu kif qal Ġesù fil-parabbola, li mal-ħażin jeħel it-tajjeb ukoll. Mhijiex biċċa tagħna li meta nħarsu lejn in-nies nifirduhom b’dan il-mod. Għalhekk, qatt ma jista’ jkollna Knisja tal-ġusti, tat-tajbin, Knisja ideali, u l-oħrajn maqtugħin barra. Il-Knisja tibqa’ l-istess, Knisja ta’ kulħadd, bil-midinbin fi ħdanha wkoll. Hu Alla li jiġġudika lin-nies.

Lilna jsejħilna biex flok inħarsu ’l barra lejn l-oħrajn biex naraw lil min se nagħżlu u lil min se naqtgħu, inħarsu ’l ġewwa u naraw fina dak li huwa tajjeb biex insaħħuħ, dak li huwa ħażin bħas-sikrana biex naqilgħuh. Għax fina, iva, hemm bżonn li aħna naħdmu biex naqilgħu ’l barra s-sikrana, il-ħażin li jitrabba fina.

Il-ġudizzju tal-persuni nħalluh f’idejn Alla, li jara l-qalb tassew; u li lilna jagħtina l-grazzja li naħdmu ħalli nneħħu minn fina dak li hu ħażin, u nagħmlu l-ġid kif iridna hu

Għalhekk Ġesù jgħid iż-żewġ parabboli l-oħra biex jurina kif nistgħu nagħmlu l-ġid fil-ħajja tagħna, b’mod li nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu l-ħażin. Hawnhekk isemmi l-parabbola taż-żerriegħa li hi żgħira u tikber fis-skiet, imma tista’ tikber f’xi ħaġa kbira; u l-parabbola tal-ftit dqiq li jagħmel differenza fl-għaġna kollha. Ġesù jgħid li ħafna mit-tajjeb li nistgħu nagħmlu fil-ħajja hu proprju fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr fanfarunati, mingħajr affarijiet spettakulari. Hemmhekk fejn l-iktar nagħmlu l-ġid, bħalma jsir ħafna drabi fi ħdan il-familja mill-ġenituri, mill-aħwa wkoll, fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Hemm nistgħu nagħmlu ħafna ġid bil-mod kif isemmi Ġesù: fis-skiet u fil-kwiet, mingħajr ħafna storbju. Dik hi l-iktar ħidma effettiva, u hekk tikber tassew is-saltna ta’ Alla.

Għalhekk illum it-talba li nagħmlu fil-quddiesa lil Alla hi biex aħna l-ewwel nett qatt ma naqtgħu qalbna meta nħarsu u naraw il-ħażen, għax dik hi r-realtà tal-ħajja, bit-tajjeb u l-ħażin; li l-ġudizzju tal-persuni nħalluh f’idejn Alla, li jara l-qalb tassew; u li lilna jagħtina l-grazzja li naħdmu ħalli nneħħu minn fina dak li hu ħażin, u nagħmlu l-ġid kif iridna hu. L-ikbar ġid hu dak li nagħmlu fis-skiet u fil-kwiet, għall-glorja tiegħu u bl-istess spirtu tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju