“Min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx.” Ġwanni 4:14

Fit-tielet Ħadd tar-Randan nisimgħu dwar il-laqgħa ta’ Ġesù u s-Samaritana fejn il-bir ta’ Ġakobb.

L-ilma fir-reliġjon Nisranija hu simbolu b’diversi sinifikati. Hemm l-aspett distruttiv tal-ilma li fl-istess waqt ikun qed inaddaf ukoll. Pereżempju fl-istorja ta’ Noè, naraw li l-art għerqet biex jinqered il-ħażen fid-dinja. Fl-istess waqt l-ilma huwa wkoll simbolu tal-ħajja, ta’ tiġdid u ta’ fejqan.  Bħalma kien ġara lir-raġel għama mit-twelid li beda jara wara li nħasel fl-għadira kif kien qallu Ġesù. Fis-sagrament tal-magħmudija dawn l-aspetti tal-ilma jinġabru kollha flimkien. Dan għaliex nemmnu li meta titgħammed persuna, tkun qed titnaddaf mid-dnub tagħha, tiġi ppurifikata u tirċievi ħajja ġdida, permezz tal-qawmien ta’ Ġesù. 

Fir-rakkont ta’ Ġesù u l-mara Samaritana naraw eżempju tat-trasformazzjoni li jġib l-ilma fl-ispirtu uman. Ġesù joffrilha l-ilma tal-ħajja għax jaf li fil-fond ta’ qalbha, hu propju dak li hi għatxana għalih. Ġesu mhux biss jipprovdi l-affarijiet bażiċi u materjalistiċi li jkollna bżonn bħala umani iżda jistedinna wkoll li mmorru għandu biex nistrieħu fuq livell spiritwali u jaqtagħlna l-għatx ta’ qalbna li tant qed tfittex l-imħabba. 

Fl-ittra lill-Efesin naraw kif “Alla, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu nitolbu jew naħsbu”. Alla ma jistenniex li nkunu perfetti meta niġu għandu. Anzi, kull darba li nirrikonoxxu d-difetti tagħna, nirrealizzaw iktar kemm għandna bżonn inkunu viċin tiegħu. Alla jħobbna minkejja dnubietna u propju jħobbna iktar kull darba li nitolbuh l-maħfra.Hemm nesperjenzaw l-imħabba infinita tiegħu li ttina ħajja ġdida. 

Liem huma s-sitwazzjonijiet f’ħajti li qed iħalluni bil-għatx għall-imħabba u li għadni ma offrejtx lil Ġesù? X’inhuma d-dnubiet li għadni nġorr u li qed iżommuni milli nesperjenza l-imħabba t’Alla?