L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Ġużepp kien bniedem li joħlom, imma kellu l-grazzja li l-ħolm tiegħu kien mezz kif Alla jwasallu messaġġ. Kien ħolm b’differenza. Il-Papa Franġisku, fit-8 ta’ Diċembru li għadda, ħareġ Ittra Appostolika fuq San Ġużepp, bl-isem B’qalb ta’ Missier, u jitkellem fuq l-erba’ ħolmiet li kellu Ġużeppi.
Hawn fl-Evanġelju tal-lum għandna ħolma minnhom. Insibu lil Ġużeppi li kien imħawwad, ma jistax jifhem x’ġara bit-tqala ta’ Marija. U għalhekk ħaseb kif isalvalha ħajjitha, u fl-istess waqt jimxi b’mod rett. Kien diġà ddeċieda dan, meta rċieva l-messaġġ minn Alla, permezz tal-anġlu, li jsolvilu d-dilemma li kellu, u jgħidlu li dak li se jsir se jkun bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Il-mument li għaraf li din kienet ġejja minn Alla, naraw kif Ġużeppi qam u mal-ewwel għamel kif ordnalu l-anġlu.
X’jurina Ġużeppi u x’jgħallimna għall-ħajja tagħna? Ħa naraw l-ewwel x’għamel meta kien iffaċċjat b’din il-problema. Ġużeppi jagħraf ir-realtà, jaffaċċja r-realtà, imma jagħmilha b’ħafna sensittività u mħabba. Jara kif jimxi b’mod rett, fl-istess waqt jara kif se jsalva l-ħajja ta’ Marija. Il-Papa Franġisku jgħid li Ġużeppi kien bniedem tar-rispett, delikat, li ra kif jagħmel biex isalva r-reputazzjoni, id-dinjità u l-ħajja ta’ Marija. Dik kienet id-deċiżjoni ta’ Ġużeppi. Hemmhekk diġà naraw il-qalb tiegħu – qalb kbira, mimlija mħabba, u fl-istess waqt bniedem rett li jrid jimxi kif irid Alla.
Ġużeppi jurina wkoll xi tfisser il-fiduċja f’Alla. Meta hu jirċievi l-messaġġ mill-anġlu, il-messaġġ li bagħatlu Alla jiċċaralu l-affarijiet. Imma jibdillu d-deċiżjoni li kien għamel. Jurih kif Alla jara l-viżjoni sħiħa. Hu kien qed jara biċċa, Alla jara dak li ma setax jifhem hu, u għalhekk hu jqiegħed il-fiduċja f’Alla, fil-kelma tiegħu, fil-messaġġ li bagħatlu. Ġużeppi jgħallimna kif aħna, qalb il-biżgħat u d-diffikultajiet tal-ħajja, meta ma narawx ċar, għandna nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Alla. Fil-maltempati tal-ħajja, inħallu t-tmun tad-dgħajsa tagħna f’idejn Alla, għax hu jaf imexxina l-aħjar. Miegħu żgur nimxu tajjeb. Il-fidi fih ma tagħmilx triq faċli, imma turi t-triq it-tajba.
Imbagħad naraw ukoll f’Ġużeppi l-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla – lest jgħid ‘iva’ kif għaraf li l-messaġġ hu ta’ Alla. Il-Papa Franġisku jgħid li jagħmel bħal Marija fit-Tħabbira u bħal Ġesù fil-Ġetsemani. U ‘iva’ mhux biss tal-kliem imma tal-fatti, għax ħa azzjoni. L-Evanġelju jgħid: “għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej”.
Ġużeppi hu bniedem li dejjem narawh mhux hu fiċ-ċentru, imma jqiegħed fiċ-ċentru lil Marija u lil Ġesù. Il-Papa Franġisku jgħid li fih għandna l-isbaħ ispirazzjoni, l-isbaħ eżempju; Ġużeppi jista’ jkun għalina interċessur, gwida u għajnuna fil-ħajja tagħna. Dan hu bniedem bħal ħafna minna fil-ħajja – bniedem ta’ ħajja moħbija, diskreta, fil-kwiet, imma mgħixa b’ħafna mħabba. Nitolbu lill-Mulej illum li aħna nħarsu lejn San Ġużepp biex ikompli jkun ta’ ispirazzjoni. Hu li kellu ħajja moħbija imma fl-istess waqt kien tant importanti fl-Istorja tas-Salvazzjoni, jgħinna biex aħna wkoll naqdu bil-fedeltà, bi mħabba kbira, ir-responsabbiltajiet tagħna, il-missjoni li Alla tana, ħalli tkun għalina storja ta’ salvazzjoni.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju