***

Direttur:          James Mangold

Atturi:              Matt Damon, Christian Bale, Caitriona Balfa, Jon Bernthal, Tracy Letts, Josh Lucas, Noah Jupe, Remo Girone u Ray McKinnon

Ħin tal-Film:    152 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                             U

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                                  U

Fl-1963, Lee Iacocca, Viċi President tal-kumpanija Ford, ippropona lil Henry Ford II biex jixtri l-kumpanija Ferrari bl-iskop li permezz tas-sehem fit-tiġrija ta’ erbgħa u għoxrin siegħa f’ Le Mans, jitkabbar il-bejgħ tal-karrozzi Ford. Iżda Enzo Ferrari, il-prorjetarju ma aċċettax. Il-kumpanija Fiat offriet offerta aħjar. Henry Ford xejn ma ħa pjaċir. Għalhekk ordna lid-diviżjoni li tibni l-karozzi għat-tlielaq biex tibni karozza li tkun tista’ tikkompeti f’Le Mans lil dik ta’ Ferrari.

Għal dan il-għan, Iacocca kera is-servizzi ta’ Carroll Shelby, proprjetarju ta’ Shelby Automobiles. Shelby kiseb fama meta fis-sena 1950, f’Le Mans kien rebaħ it-tiġrija. Sfortunatament minħabba l-kundizzjoni f’saħħtu rtira minndan l-isport minħabba l-istress li joħloq. Shelby għalhekk daħħal miegħu lil Ken Miles, bniedem li jitlagħlu malajr. Dan l-aħħar kien qiegħed isibha diffiċli  biex ikompli x-xogħol tiegħu ta’ mekanik.

Shelby u Miles jittestjaw il-karrozza Ford GT40 MK, prototype, u jsibu li kien hemm xi difetti li ma kienux jagħmluha karozza li tista’ tikkompeti ma’ dik ta’ Ferrari. Ford ma kienx kuntent mis-sewwieq  Miles u għalhekk għat-tiġrija ta’ Le Mans tal-1964 għażlu li jibgħatu lil Phil Hill u Bruce McLaren. Miles ħabbar li l-ebda karozza ta’ Ford ma kienet sejra tispiċċa t-tiġrija, b’umiljazzjoni kbira għal Henry Ford.

Shelby jispjega lil Ford li l-karozza GT 40  kienet nislet biża’ fil-kamp tal-Ferrari minħabba li rnexxielha tilħaq il-veloċità ta’ 218 mil fis-siegħa meta din ġiet ippruvata għalkemm ġralha ħsara u waqqfet.  Għalhekk Shelby u Miles komplew jaħdmu fuq din il-karozza l-aktar fuq il-brejks minħabba li f’waħda mill-provi, Miles kien iffortunat li ma tilifx ħajtu meta l-brejkijiet fallew.

Fl-1966, Leo Beebe, Viċi President fil-Ford ħa t-tmexxija tad-diviżjoni tal-karozzi tat-tlielaq u  bl-iskop li jkompli l-programm mingħajr Miles. Iżda Shelby ħa lil Henry Ford Ii għal rikba u poġġa l-kumpanija tiegħu fuq assigurazzjoni li Miles biss setgħa jsuq b’suċċess il-karozza tal-ġiri billi kapaċi jtella’ sa’ limitu ta’ 7,000 RPM. X’jiġri minn hawn?

Film magħruf ukoll bħala Ford v Ferrari, taħt id-direzzjoni ta’ James Mangold u kitba ta’ Jez Butterworth, John-Henry Butterworth u Jason Keller. Film interessanti u eċitanti, msejjes fuq ġrajjet vera li seħħew fis-snin sittin meta Henry Ford II kien determinat li jegħleb il-monopolju fit-tlielaq tal-karozzi veloċi li kellha l-kumpanija Ferrari.