L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il-jum għażiż għalina, għad-devozzjoni popolari tal-Maltin u l-Għawdxin, ejjew nifhmu dak li xtaq Ġesù, imsallab fuq is-salib aħrax, li ħejjejnielu. Meta ra lil ommu u ddeċieda li jafdaha, mhux lil oħtha li kienet hemm. L-Evanġelju stess jgħid li m’ommu kien hemm: “oħt ommu” (Ġw 19:25). Kien hemm xi ħadd mill-familja. Imma hu ddeċieda li jafda lil ommu lid-dixxiplu l-maħbub. “Mara, hawn hu ibnek’…. ‘Hawn hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:26-27). Il-Madonna, omm Ġesù, saret mhux biss parti mill-ħajja ta’ Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub; imma hu wkoll kellu d-dover li jieħu ħsiebha, iħobbha bħalma ħabbha binha. Imma ħadha għandu wkoll billi addotta l-ħsibijiet u s-sentimenti tagħha kollha.
Dan il-jum tad-Duluri, ispirati wkoll mit-talba sabiħa li l-Papa Franġisku kiteb għal dan is-santwarju, u li llum għandi l-pjaċir nippreżenta fit-tmiem din il-quddiesa lill-Arċipriet, lil Fr Joe [Carauna]. Il-Papa jsejjaħ lill-Madonna b’dawn it-titli sbieħ: ‘Omm it-tenerezza’, omm ta’ kull ħlewwa; ‘Omm il-kompassjoni’, omm ta’ kull mogħdrija; ‘Omm il-viċinanza’, omm li dejjem qrib tagħna.
Il-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu fostna, għallimna mhux bil-kliem biss, imma bil-ġesti u bl-eżempji tiegħu … iltaqa’ kemm mar-rappreżentanza tad-dgħufija, tal-mard, tal-vulnerabbiltà, tat-tbatija tal-poplu tagħna.
Nistgħu ngħidu, li f’dan il-jum tad-Duluri, aħna niċċelebraw u nikkommemoraw, nifhmu u napprezzaw, l-ewwel nett it-tenerezza tal-Madonna. Ma nimmaniġahiex li għajret lil xi ħadd, ħdejn is-salib ta’ binha, jew li kellha sentimenti ta’ mibegħda jew ta’ rabja. Id-dmugħ iġelben ma’ ħaddejha kien dmugħ ta’ qsim il-qalb; imma kull dmugħ, bħall-ilma u d-demm li ħareġ mill-kustat ta’ binha, li jsaffina minn kull rabja, minn kull mibegħda. U jiddedikana għal dik il-ħlewwa li hi s-sinjal tad-dixxiplu tal-Mulej Ġesù.
Ħdejn is-salib ta’ binha, l-omm hi eżempju sabiħ ta’ kompassjoni, ta’ mogħdrija. Il-kelma kompassjoni, ġejja mill-fatt li tgħaddi mill-passjoni ma’ xi ħadd. Hekk nagħmlu meta nagħdru lil xulxin. Aħna nidħlu fiż-żarbun ta’ dak li jkun, nifhmu minn xiex għaddej u b’dak il-ħsieb u b’dak l-għarfien, nifhmu li nagħdru lil xulxin. Min jaf jien, kieku x’kont nagħmel? Min jaf jien kif kont nirreaġixxi? Iżjed ma tifhem, iżjed tagħder; iżjed ma tifhem, iżjed tapprezza, u jkollok ukoll il-qawwa tbati ma’ min qed ibati, bħalma tifraħ ma’ min qed jifraħ.
Il-Papa Franġisku fiż-żjara tiegħu fostna, għallimna mhux bil-kliem biss, imma bil-ġesti u bl-eżempji tiegħu, kemm fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu, kif ukoll fil-Bażilika Minuri ta’ San Pawl, ir-Rabat, iltaqa’ kemm mar-rappreżentanza tad-dgħufija, tal-mard, tal-vulnerabbiltà, tat-tbatija tal-poplu tagħna. Il-barka tal-Papa, li tlabtu kif niżel minn fuq l-ajruplan, nitolbu li ġġib ħafna u ħafna fejqan. Xtaq isellem lil dan is-santwarju antik, l-eqdem wieħed fil-gżejjer tagħna. Talba li kiteb u ffirma għal dan is-santwarju, tkun ukoll talba li tinxtered fil-familji tagħna.
L-aħħar titlu li l-Papa jsellem lill-Madonna, u li tant joqgħod fil-festa tad-Duluri, hi ‘Sidtna Marija tal-viċinanza’. Xi tfisser? Li tkun viċin dak li jkun, bħalma kienet hi qrib is-salib ta’ binha. Id-dixxipli, ħlief wieħed, ħarbu, tbiegħdu. Jekk ħarsu lejn is-salib, ħarsu mill-bogħod, mimlijin bil-biża’. Imma l-omm, ma abbandunatx lil binha. Fil-mument tal-ikbar mistħija, tal-ikbar għajb, tal-ikbar umiljazzjoni, kienet hemmhekk, ħdejn binha. Tisma’ t-tgħajjir, iz-zekzik, il-ħars skandalizzat ta’ min jaħseb li jifhem u jaf kollox. Semgħet il-kliem għeżież ta’ binha, jaħfer, iwiegħed il-ġenna lill-ħalliel it-tajjeb, jintelaq f’idejn Missieru Alla l-Imbierek, u jafdaha lid-dixxiplu l-maħbub.
Aħna llum inqimuha tħaddan il-ġisem mejjet ta’ binha, tarah jindifen. X’hemm fil-qalb ta’ Marija? Misteru kbir ta’ dulur, imma wkoll ta’ fidi kbira; li fid-dlam tittama fil-jum tad-dawl. Id-dmugħ tagħha, li llum iġelben frott id-dieqa, jinbidel fi dmugħ ta’ ferħ, nhar Ħadd il-Għid. Din hi l-fidi tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 20:10-13
Salm: 17 (18):2-3a,3bċ-4,5-6,7
L-Evanġelju: Ġw 10: 31-42