L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jispiċċa din is-silta mill-Evanġelju skont San Mattew kważi b’din l-isfida: “Min għandu widnejn ħa jisma’” (Mt 11:15). Xi jrid jgħid? Qed itarraf dwar l-identità tiegħu, dwar min hu, lin-nies ta’ żmienu li kienu qed jistennew li qabel jiġi l-Messija jerġa’ jidher il-profeta Elija.

Hu qed jgħidilhom li Ġwann il-Battista, fost ulied il-bnedmin, huwa l-ikbar wieħed “u jekk tridu temmnuni dan hu Elija li għandu jiġi” (Mt 11:14). Mela jekk Ġwann il-Battista ġej fl-ispirtu ta’ Elija, dak li Ġwann il-Battista jgħidilkom hu l-Messija, emmnuh. Ġesù qed jgħidilhom bil-pulit li Ġwann il-Battista ġie, huwa Elija li għandu jiġi u Elija għandu jiġi biex iħabbar, anzi jindika min hu l-Messija biex ma jkunx hemm dubju.

Fil-fatt Ġwann il-Battista hekk jagħmel meta jgħid: “Dan hu l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29),  Kif nafu, l-kelma ‘ħaruf’ bl-Aramajk tfisser qaddej, tfisser iben, mhux biss ħaruf imma wkoll qaddej u iben. Allura meta Ġwann jgħid “il-ħaruf t’Alla” qed jgħid il-ħaruf il-qaddej, l-Iben ta’ Alla.

Min sema’ lil Ġwann il-Battista seta’ jinduna wkoll min hu Ġesù. Fil-fatt, fl-ewwel qari, waħda mill-isbaħ profezji ta’ Iżaija għandna propju dak li nistgħu nippretendu miż-żmien ta’ armonija u ta’ paċi li jagħti l-Messija. “Tibżax jiena l-għajnuna tiegħek, tibżax Ġakobb … jiena l-għajnuna tiegħek, il-feddej tiegħek il-qaddis ta’ Iżrael” (Iż 41:13-14).

Fl-ewwel qari smajna diversi ismijiet ta’ siġar li jekk tgħiduli liema huma ngħidilkom li ħafna minnhom irrid niċċekkja għax għadni ma nafx. Jekk tistaqsuni x’inhu d-dolf u l-box ngħidilkom ma nafx. Infittex u nitgħallem u nistedinkom tagħmlu bħali. Ir-rihan naf x’inhu, għandna Għajn Rihana, imma l-gazzi ma nafx x’siġra hi. Dawn huma kollha siġar sbieħ tal-Mediterran li huma wkoll sinjal tas-sbuħija ta’ dak li se jġib il-Messija. Tkun ħaġa sabiħa li fil-ġonna tagħna għandna jkollna minn dawn ixtieli u s-siġar għaliex ħafna minnhom huma Mediterranji bħall-ħarruba u t-tin. Dawn ikunu għalina sinjal tal-preżenza tagħna tal-Messija.

F’din it-tifkira tal-Madonna ta’ Loreto nixtieq ukoll nitolbu ħafna biex fid-djar tagħna, u b’mod speċjali f’dan l-Avvent u f’dan il-Milied, ikollna l-ispirtu tad-dar ta’ Nazaret. Aħna f’Loreto nqimu d-dar ta Nazaret, id-dar fejn kienu jgħixu Ġesù, Marija u Ġużeppi. Il-Papa San Pawl VI meta żar Nazaret qal li f’din id-dar kienu jsaltnu s-silenzju, it-talb, il-ġabra, il-paċi, u l-armonija. Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dan il-Milied, meta minħabba ċ-ċirkustanzi se nkunu iżjed flimkien, minflok inkunu qisna klieb u qtates flimkien, nimbħu u nigirfu ’l xulxin, nippruvaw nagħmlu sforz biex ngħixu f’armonija u f’paċi. Il-weġgħat tagħna ma nistgħux ninsewhom imm nagħmlu biex inħobbu tassew lil xulxin billi nagħrfu li meta nagħdru ’l xulxin, ikollna d-dritt ukoll li ħaddieħor jagħdirna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 41, 13-20
Salm: 144 (145), 1 u 9. 10-11.12-13ab
Evanġelju: Mt 11, 11-15