L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-Kelma ta’ Alla li llum il-Knisja qed taqra fil-knejjes kollha madwar id-dinja, titkellem dwar il-ġustizzja u l-ġudizzju. Il-ġustizzja, jgħidilna l-ktieb tal-profeta Baruk, “hi min-naħa tal-Mulej Alla tagħna” (Bar 1:15). Quddiem din il-ġustizzja li għandha għajn divina — għax Alla la jqarraq u lanqas jitqarraq — il-ġustizzja tagħna tidher dgħajfa u fallibbli. “Iżda min-naħa tagħna,” jgħid il-profeta Baruk, “kif aħna llum, aħna għandna l-għajb ma’ wiċċna” (Bar 1:15). Mhux qed jirreferi għall-ġudikatura, lanqas għall-maġistratura u lanqas għall-organi tal-Istat imma qed jitkellem għalina lkoll bħala soċjetà.

Twissija lill-bniedem

Ta’ min nistaqsu lilna fusna: Aħna u nwarrbu lil Alla, x’qed insibu ma’ wiċċna? Jekk l-għaxar kelmiet tiegħu, li aħna nsejħulhom il-kmandamenti, għadhom jagħmlu sens, għaliex m’għadniex nirrispettawhom bħala għajn ta’ għerf u gwida sikura? Għax fuq kollox il-kmandamenti ta’ Alla mhux biss jgħallmuna nqimuh imma jgħallmuna wkoll nitrattaw lil xulxin ta’ nies: La toqtolx, la tisraqx, u la tigdibx. Dawn issibhom fil-kulturi kollha, ħa nsemmu l-kodiċi ta’ Ħammurabi, u huma l-kriterju, iċ-ċifra, l-indiċi taċ-ċiviltà. Min lest li jisraq, jasal biex joqtol. Min lest li jigdeb jifhem ukoll b’ilsienu joqtol u jkasbar id-dinjità tal-proxxmu. Anke r-regħba — li tolqot lil kulħadd — taf ukoll tkun għajn ta’ hemm li jitlob ġustizzja.

…tridu tqisu lilkom infuskom espressjoni ta’ risposta umana, serja, imparzjali, onesta, integra, għall-għatx li l-bniedem għandu għas-sewwa u għall-ġustizzja.

Aħna nafu li fit-tradizzjoni Nisranija hemm delitti li jgħajtu lil Alla. Hija espressjoni qawwija u antikissima. Fl-ewwel ktieb tal-Ġenesi, meta l-Mulej jikkonfronta lil Kajin għax qatel lil ħuh Abel, jgħidlu: “Id-demm ta’ ħuk jgħajjat mill-art u ma stajtx ma nisimgħux” (Ġen 4:12). Id-demm tal-innoċenti li jgħajjat lil Alla! Imma aħna, ta’ bnedmin li aħna, nippruvaw naslu b’mod immedjat biex nagħtu risposta għall-għajta tad-demm innoċenti, għall-għajta ta’ min hu maħqur, ta’ min huwa trattat ħażin, ta’ min hu trattat inġust.

Intom, għeżież membri tal-ġudikatura, għeżież membri tal-maġistratura, membri tal-professjoni legali u staff tal-ġustizzja f’Malta, tridu tqisu lilkom infuskom espressjoni ta’ risposta umana, serja, imparzjali, onesta, integra, għall-għatx li l-bniedem għandu għas-sewwa u għall-ġustizzja.

Il-Mulej Ġesù jagħmel proposta qawwija lil Korożajn, lil Betsajda u lil Kafarnahum, li kienu bliet li jafu t-tagħlim u l-fejqan tiegħu. Kellhom din ix-xhieda straordinarja ta’ mħabba u kellhom ukoll responsabbiltà kbira. “Ħażin għalik” (Lq 10:13). X’inhi din it-twissija ħarxa tal-Mulej Ġesù jekk mhijiex twissija biex il-bniedem jifhem, jagħraf u jħenn? Dak li jgħid Ġesù ma kienx immedjat: “Ħażin għalik” jekk ma tismax il-kelma tal-imħabba ta’ Ġesù. U Ġesù jitkellem fuq il-ġudizzju li huwa konsegwenza tal-għażliet tagħna.

Il-profil tal-imħallef u l-maġistrat

M’ilux, xi ħadd wassalli kopja ta’ diskors ta’ Rosario Livatino. Kien maġistrat Taljan li nqatel mill-mafja fil-21 ta’ Settembru 1990. M’ilux, l-isqfijiet iddeċidew jibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu. Għaliex qatlitu l-mafja? Għaliex fir-rettitudni tiegħu, fl-integrità tal-ġudizzju u fil-kompetenza tiegħu, kien preżenza skomda għal min irid ikompli jħawwad mingħajr konsegwenzi, dik li aħna nsejħulha ‘impunità’.

Nawguralkom li ma tispiċċawx bħal Rosario, allaħares! Inxtered biżżejjed demm f’dan il-pajjiż u ġew sploduti nies, ifhmuni! Imma nawguralkom li għal min hu korrott, għal min hu kriminal, għal min irid iħawwad u ma jħallasx tat-taħwid tiegħu, intom tkunu preżenza skomda, xewka, u twissija.

Nawguralkom li fil-missjoni mhux faċli tagħkom tkomplu tkunu preżenza skomda għal min ma jridx jifhem u tkunu sinjal ta’ tama għal min irid jgħix sewwa.

Rosario Livatino, fid-diskors li għamel fl-1984, sitt snin qabel qatluh, tkellem dwar il-preżenza tal-maġistrat fis-soċjetà. Għażiż Prim Imħallef, wara l-quddiesa ppermettili ngħaddilek kopja ta’ dan id-diskors biex tagħtih ukoll lil sħabna. Huwa bit-Taljan, u mhux se naqra siltiet minnu, imma wieħed mill-mumenti li laqatni ħafna f’dan id-diskors li Livatino għamel lir-Rotary Club ta’ Canicattì ġewwa Sqallija, huwa meta jitkellem fuq l-indipendenza tal-imħallef u jgħid: “L-indipendenza tal-imħallef,” li l-imħallef ma jkun ikkundizzjonat minn ħadd u minn xejn, “mhijiex biss fil-kuxjenza tiegħu, mhijiex biss fil-libertà morali tiegħu, fil-fedeltà għall-prinċipji, fil-kapaċità tiegħu li jkun bniedem ta’ sagrifiċċju, fil-kompetenza tiegħu ġuridika, fl-esperjenza tiegħu u fid-deċiżjonijiet li jagħmel,” li ma jħarsux lejn l-uċuħ, imma wkoll fis-sens tiegħu ta’ ħajja tajba, fil-ħajja tiegħu li hija ta’ eżempju, “ma anche nella trasparenza della sua condotta anche fuori delle mura del suo ufficcio”.

Livatino jagħti wkoll profil qasir tal-imħallef u tal-maġistrat ideali. “Huwa importanti,” jgħid “li l-imħallef u l-maġistrat joffri xbieha tiegħu nnifsu mhux ta’ persuna ħarxa, severa, li allura l-awtorità tagħha ġejja minn qalb kważi iebsa, imma ta’ persuna li hija serja fid-dmirijiet tal-uffiċċju u tal-ħajja tagħha, persuna ta’ ekwilibriju, persuna ta’ responsabbiltà, imma persuna li tifhem u tagħder, li taf tikkundanna — għax hekk titlob il-liġi — imma taf ukoll tagħder, tifhem u tħenn”.

Nawguralkom li fil-missjoni mhux faċli tagħkom tkomplu tkunu preżenza skomda għal min ma jridx jifhem u tkunu sinjal ta’ tama għal min irid jgħix sewwa.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Bar 1:15-22
Salm: 78 (79), 1-2,3-5,8,9
Evanġelju: Lq 10:13-16

More Photos >>