-
-
Nhar it-Tlieta 29 ta’ Settembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-54 sena mit-twaqqif tal-Awtorita’ tax-Xandir, fl-uffiċċji tagħhom, il-Ħamrun.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Uffiċċji tal-Awtorità tax-Xandir, il-Ħamrun
29 ta’ Settembru 2015
Nibda billi nawguralkom f’dan l-anniversarju. Nixtieq nislet ftit riflessjonijiet mill-fatt storiku li intom ġejtu mwaqqfa fid-29 ta’ Settembru li, tradizzjonalment, fil-kalendarju liturġiku tal-Knisja Kattoliku hija l-festa tat-tlett Arkanġli: Mikiel, Gabrijel u Rafel. Nieħu l-opportunità biex nawgura l-festa t-tajba lil kull min jismu Michael jew Gabriel jew Raphael.
L-anġlu huwa l-ħabbâr, u għalhekk ta’ min jislet din l-ewwel riflessjoni. Meta nqisu li l-Awtorità tax-Xandir għandha dan ir-rwol kostituzzjonali essenzjali li tissorvelja x-xandir, għandha bżonn l-interċessjoni tal-anġli kollha, ma ngħidx tal-arkanġli biss.
San Girgor il-kbir jgħid li d-differenza bejn l-anġli u l-arkanġli hija l-missjoni li tingħatalhom, u għalhekk intom żgur għandkom bżonn l-interċessjoni tal-arkanġli għax għandkom missjoni għolja ħafna – il-missjoni li s-sorveljanza tagħkom, bil-viġilanza tagħkom, tassiguraw il-pern tad-demokrazija fil-pajjiż, fejn kulħadd ikollu dritt mhux biss li l-opinjoni tiegħu jżommha għalih, imma wkoll il-possibilità li jesprimiha, li jxandarha, li tinstema’, u li jidħol fi djalogu demokratiku ma’ ħaddieħor b’mod bilanċjat mingħajr ma jkollna demagoġija jew eġemonija li hi l-ikbar għadu tad-demokrazija. Imma hemm għadu sottili ieħor tad-demokrazija, li jirreferina għalih Ġesù meta kważi b’ferħ kbir qal dwar Natanael: “dan huwa tassew Iżraeli li jixraqlu dan l-isem għaliex ma hemm l-ebda qerq fih” (Ġw 1, 47). Għadu kbir tad-demokrazija huwa l-qerq li jiġi fejn il-verità ma tingħatax sħiha imma tingħad nofs verità, jew, minflok ikollna xandir, ikollna spin, ikollna t-tgħawwiġ tal-fatti.
Fil-fatt, il-konfront bejn Mikiel u x-xitan, id-demonju, huwa propju fuq din – ġlieda għad-drittijiet ta’ Alla ħaj u veru. Interessanti ħafna li fis-silta li qrajna fit-Tieni Qari llum mill-Apokalissi ta’ San Ġwann (Apok 12, 7-12), Satana huwa msejjaħ id-dragun il-kbir, is-serp tal-qedem, u l-ismijiet tiegħu huma demonju u xitan. Hemm ukoll il-kelmadiabulus. Demonju huwa dak li juża’ s-setgħa tiegħu biex ikisser, u nafu li l-midja hija setgħa kbira li tista’ tibni kif ukoll tfarrrak. Il-viġilanza tagħkom hija li l-midja tirrispetta r-rwol tagħha li tibni mhux tkisser is-soċjetà.
Il-kelma xatan tfisser akkużatur, kif jerġa’ jispjega l-Qari tal-lum, dak li jixli lil ħutna. Xajtan tfisser akkużatur bil-gideb. Ir-rwol tagħkom hu li tiddefendu l-pubbliku mill-gideb, minn nofs veritajiet u t-tgħawwiġ tal-verità biex tkun ta’ servizz għall-poter, jew inkella anke għal min m’għandux poter u huwa vulnerabbli. Hija responsabbiltà kbira, u għalhekk il-Kostituzzjoni u l-liġi ta’ Malta trid li l-bilanċ fil-kompożizzjoni tagħkom ikun jidher. Jiena nawgura li ma jkunx biss jidher imma jintuża dan is-sens ta’ bilanċ li trid il-liġi tal-pajjiż.
Mela mhux biss l-abbuż tal-poter u l-gidba bħala arma biex tkisser il-bniedem u s-soċjetà, imma anke dak li jqarraq, dak li jisseduċi. Ħafna drabi hawn min jiġġustifika l-arti u x-xjenza tar-riklami, bħala mod sottili li inti tisseduċi lil dak li jkun jixtri affarijiet li m’għandux bżonnhom. Kemm hi ħaġa tajba li l-Awtorità tax-Xandir teżamina wkoll lilha nfisha u r-rwol li għandha biex tipproteġi lil min hu vulnerabbli. Mhux biss tkun attenta għall-użu tal-poter u tiggarantixxi lill-poplu jkollu servizz mibni fuq il-verità u tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, imma wkoll li tħares lil min hu vulnerabbli.
It-tlett ismijiet tal-arkanġli li qegħdin niċċelebraw illum għandhom sinjifikat profond. Mikiel, kif tafu, tfisser: min hu bħal Alla? Jiena naf li mhuwiex moda li tippreserva l-preżenza ta’ Alla fis-soċjetà tal-lum, anzi forsi bil-mod il-mod naslu li jkun moda li tkasbar l-isem ta’ Alla. Imma Mikiel, b’ismu, jibqa’ jgħidilna li m’hemm ħadd fuq Alla u li rridu nagħtu kont lil Alla tad-deċiżjonijiet tagħna, mhux biss fil-liġi imma anke kif inħaddmuha. Dan Alla li ħalaqna u li lkoll se nidhru quddiemu, inkluż min ma jridx.
It-tieni arkanġlu huwa Gabrijel: Alla huwa qawwi. Meta deher lil Sidtna Marija qalilha: “għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1, 37). Ħafna drabi min hu fuq in-naħa tas-sewwa jaqta’ qalbu kontra l-poter tal-ħażen, tal-qerq u tal-gideb. Għalhekk hemm bżonn jitlob l-interċessjoni ta’ Gabrijel għax Alla huwa tassew qawwi u dak li għalina jidher impossibbli, għal Alla mhuwiex impossibbli. Aħna konna naħsbu li l-ħajt ta’ Berlin mhu se jaqa’ qatt. U waqa’! Dak li għalina kien jidher impossibbli, sparixxa. Il-Great Wall of China għadu hemm u nawgura li jibqa’ hemm għax dak ma jiddefendi ‘l ħadd minn ħadd, huwa passiġġata turistika. Bħalma qal il-Papa hu u jirritorna mill-Amerika għal Ruma, meta qalulu: “inti x’taħseb fuq dawn il-ħitan li qegħdin jitilgħu fl-Ungerija eċċ?” Il-Papa qal: ‘Il-ħitan jitilgħu, imma jaqgħu wkoll, jekk mhux għada, pitgħada, jekk mhux wara sena, wara mitt sena, jaqgħu, mhumiex soluzzjoni’. Hekk ukoll ix-xandir li jrid ikun liberu tassew. Inutli jipprova jagħmel ħitan li joħloq ghetto; irid ikun dik iż-żiffa tal-libertà li hija l-qalba u r-ruħ tad-demokrazija.
It-tielet isem tal-arkanġlu huwa Rafel: Alla jfejjaq. Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-midja tkun verament promotriċi tad-dinjità tal-bniedem. Jien nieħu pjaċir nara l-midja tintuża’ biex jinħoloq spirtu ta’ inklussività fis-soċjetà, ta’ solidarjetà, ta’ rispett lejn kulħadd, irrispettivament mill-kulur tal-ġilda, mill-opinjoni tiegħu, mir-reliġjon tiegħu. Dan huwa serviz kbir li għandna bżonnu u li huwa mediċina neċessarja. Inħoss li intom, bil-viġilanza tagħkom, bir-rwol tagħkom, tistgħu wkoll tgħinu biex il-midja tagħna jkollha effett benefiku, mhux ta’ ħsara, għax wara kollox, l-ewwel prinċipju tal-mediċina huwa non nocere, li ma tagħmilx ħsara. Intom b’xi mod qegħdin fil-parti tal-prevenzjoni, imma nħoss li għandkom ukoll rwol ta’ promozzjoni, il-promozzjoni ta’ stil tal-midja, ta’ xandir, li mhux biss mibni fuq il-verità u l-libertà imma wkoll jirrispetta d-dinjità tal-bniedem u joħloq ambjent fejn it pays to do the right thing! Sfortunatament it-tentazzjoni tad-dinja tgħidilna: it pays to do what the people want, jew fejn imorru l-passjonijiet tal-bniedem. Hija għalhekk sfida kbira din imma jekk aħna niftakru fl-ismijiet tal-arkanġli – Mikiel, Gabrijel u Rafel – m’għandniex naqtgħu qalbna.
Ġesu stess lil Natanael qallu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin”. Din dejjem hija misterjuża din il-ħaġa. X’ried jgħid? Is-siġra tat-tin fl-Iskrittura hija l-benna tal-kelma tal-Mulej. Is-sinjifikat u anke r-reazzjoni, kemm ta’ Ġesù, kif ukoll ta’ Natanael, iġġagħlna naħsbu li Natanael kien qiegħed jitlob b’mod privat ħafna u jikkontempla l-Iskrittura biex jiġi l-Messija. Ġesù ma jgħidlux ‘jiena smajt il-karba ta’ qalbek’, imma jindikalu biss il-post privat fejn din it-talba hu kien qed jagħmilha, u Natanael jifhem li dan il-bniedem huwa r-risposta għat-talb tiegħu. M’hemm l-ebda għatx tal-bniedem li l-Mulej jiddisprezzah, m’hemm l-ebda talba, privata kemm hi privata, li l-Mulej ma jismagħhiex jew jinsiha. Jasal il-mument biex l-għatx tal-umanità għall-midja li sservi tassew il-verità, jinstema’. Nirringrazzjakom talli intom diġà parti mir-risposta ta’ Alla għal dan l-għatx.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
Ritratti: L-Awtorita’ tax-Xandir