Santa Tereża ta’ Ġesù, li hi duttura tal-Knisja u għandha ħafna tagħlim spiritwali profond, fil-ktieb tagħha li kien ippubblikat fis-seklu 16, bit-titlu Il-Kastell Interjuri, tgħid kemm huwa importanti u fundamentali, għal min irid jieħu bis-serjetà l-ħajja spiritwali, li jagħraf lilu nnifsu – “Agħraf lilek innifsek”. U tgħid: meta inti tagħraf lilek innifsek kif inti quddiem Alla, hemm ikollok umiltà li tfisser verità. L-umiltà ma tfissirx li tarmi lilek innifsek imma l-verità kif inti quddiem Alla.

Hawnhekk, fl-Evanġelju, Ġesù jitkellem fuq xi ħadd li ma kienx jagħraf tassew lilu nnifsu, ma’ kienx jimxi ma’ dan il-parir, għax hawn qed jitkellem fuq xi ħadd li jrid ineħħi t-tibna minn għajn ħuh u ma jarax it-travu li għandu hu f’għajnejh. U jgħid Ġesù kemm hu importanti li l-ewwel tagħraf lilek innifsek biex tara x’għandek int. Li qed jgħid Ġesù jaqbel mar-realtà tal-ħajja tagħna, li kultant jiġrilna li iktar ikun moħħna fl-oħrajn biex niġġudikawhom, nikkundannawhom, biex nanalizzaw lill-oħrajn, milli li nħarsu lejna nfusna, naraw lilna nfusna l-ewwel. Dan hu li qed jgħid Ġesù. Għalhekk l-ewwel messaġġ importanti huwa dan: Agħraf lilek innifsek. Ara kif inti l-ewwel quddiem Alla.

U x’jgħinna għal dan, biex nagħrfu lilna nfusna? Jgħinna ħafna jekk aħna nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù u nħallu lilu, fi djalogu miegħu, jurina aktar lilna nfusna. Iktar ma aħna nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù u nkunu f’dan id-djalogu miegħu, aktar imbagħad hu jgħinna biex nagħrfu lilna nfusna. Meta nħarsu lejh, qed naraw il-ġmiel, il-verità, naraw dak li bil-kelma tiegħu jista’ jurina aħjar minn aħna. Hemm ġrajja sabiħa fl-Evanġelju, fil-kapitlu 4 ta’ San Ġwann, tal-mara Samaritana li ltaqgħet ma’ Ġesù .U kellha proprju din l-esperjenza. Kienet marret biex timla l-ilma, Ġesù jmur hemm fejn il-bir, jaraha, jibda djalogu magħha; u l-esperjenza tagħha kienet din: li iktar ma għarfet lilu, iktar għarfet lilha nnifisha. Fi djalogu miegħu saret taf aktar min hu, u aktar min hi. Għalhekk Ġesù jgħinna ħafna, meta aħna fi djalogu miegħu permezz tat-talb u l-ħin li nagħmlu miegħu, biex nagħrfu lilna nfusna.

Jgħinna wkoll biex aħna nħarsu lejn l-oħrajn bl-istess mod li Ġesù jħares lejhom. Jekk hemm xi ħaġa li ninnutaw ħafna fl-Evanġelju, hi li Ġesù dejjem kellu ħarsa ta’ mħabba, ta’ ħniena. Anke f’min kien emarġinat, imwarrab – Ġesù ra fil-persuna xi ħadd li għandu jwasslilha l-imħabba sħiħa u jgħinha biex tqum mid-diffikultajiet tagħha. Nafu li Ġesù li rrabja kien fejn ra l-ipokresija u meta tkellem fuq l-iskandli. Imma ma’ persuni midinbin, anke nies li forsi huma stess jarmu lilhom infushom, Ġesù tahom il-qawwa biex iqumu għall-ħajja ġdida permezz tal-imħabba u l-ħniena tiegħu. Għalhekk lilna Ġesù jgħinna biex meta nħarsu lejn l-oħrajn, hekk tkun il-ħarsa tagħna wkoll – mimlija mħabba, mimlija ħniena, li ngħinu lill-persuni li jkunu żbaljaw biex iqumu għal ħajja ġdida.

Dan ifisser li aħna, qabel naraw f’moħħna x’hemm ħażin fl-oħrajn – it-tibna – nagħrfu lilna nfusna biex nistgħu ngħinu wkoll lill-oħrajn. Ġesù jitkellem ukoll fuq il-korrezzjoni tal-oħrajn magħmula bi mħabba. Fil-fatt hawnhekk jgħid: “neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tagħraf sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk” (Lq 6:42). Mhux qed jgħid: lil ħuk ħallih għaddej, anke jekk qed tara affarijiet ħżiena, tkun indifferenti; mhux qed jgħid hekk! Imma qed jgħid: l-ewwel agħraf lilek innifsek, biex tista’ tgħin b’kelma ta’ ġid u mħabba lil ħuk, lil min għandu bżonn korrezzjoni. Għaliex Ġesù dejjem jgħidilna biex aħna fejn hemm ħażin ngħidulu ħażin, imma lill-persuna ngħinuha biex mill-ħażin tgħaddi għat-tajjeb, biex tqum għal ħajja ġdida.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-kelma tiegħu, il-grazzja l-ewwel nett li aħna nagħrfu lilna nfusna. Fi djalogu miegħu, iktar u iktar jgħinna hu biex nagħrfu lilna nfusna, ħalli imbagħad il-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn – bi mħabba, ħniena u kompassjoni – ikun il-mod kif hu jħares lejn il-persuni.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta