L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm ħafna siltiet fl-Evanġelju fejn il-kliem ta’ Ġesù jolqot il-qalb tal-bniedem. Waħda mill-aktar qawwija hija dik li smajna fl-Evanġelju llum: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28).

Dan il-kliem mhuwiex sempliċement kliem sabiħ. F’dan il-kliem, għandna stedina. Għandna wegħda. Hu kliem li jeħodna fil-qalba stess tal-ħajja Nisranija.

Ħa nħarsu ftit lejn din is-silta tal-Evanġelju, u nixtieq li nirriflettu fuq żewġ stediniet li Ġesù jagħmel: “Ejjew għandi” u “Tgħallmu minni”.

L-istedina

Ġesù jgħid: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin…” U, verament, kull wieħed u waħda minna nafu xi tfisser tkun imħabbat u mtaqqal. Nafu x’inhi l-għeja tal-ġisem u tal-moħħ wara ġurnata twila ta’ xogħol. Imma forsi aktar diffiċli, hija l-għeja tal-qalb u tar-ruħ: meta nġorru fuq spallejna t-tħassib għall-familja, l-inċertezza dwar il-futur, il-fallimenti, il-mard, in-niket, is-solitudni, jew dawk il-piżijiet moħbija li ħadd ma jarahom ħlief Alla.

Ġesù jħares lejn kull min hu mgħobbi b’dawn il-piżijiet u jgħidlu: “Ejjew għandi”. Innutaw li ma jgħidx l-ewwel: irranġaw ħajjitkom. Lanqas ma jgħid: siru perfetti, u lanqas: kunu denji tal-imħabba tiegħi. Jgħid biss: “Ejjew”.

Ġesù jgħid “Intom ilkoll.” Dan ifisser li hu qed jistieden lil kull min hu mgħobbi, min qed ibati minħabba d-dnub, min hu preokkupat fuq il-familja tiegħu, min qed jgħix il-mard, min qed jiġġieled kontra d-dipressjoni jew l-ansjetà, min hu ddiżappuntat mill-ħajja, min iħossu minsi. Ġesù ma jeskludi lil ħadd. Ħafna drabi nqattgħu ħajjitna nippruvaw nuru li aħna b’saħħitna. Imma quddiem Alla m’hemmx għalfejn nilbsu maskri. Fit-talb nistgħu nkunu kif aħna. Ġesù diġà jaf x’hemm fil-qalb tagħna.

Il-mistrieħ

Ġesù jwiegħed: “Jiena nserraħkom”. Dan ma jfissirx li minn dak il-ħin il-ħajja ssir faċli, bla problemi u diffikultajiet. Min jimxi wara Ġesù xorta jiltaqa’ mal-iebes tal-ħajja, mat-tbatija, man-niket, mat-telf. Ġesù nnifsu għadda mill-passjoni u mis-salib.

Allura x’inhu dan il-mistrieħ? Huwa l-paċi li tibqa’ fil-qalb anki meta madwarna jkun hemm il-maltemp. Mhijiex ħarba mill-problemi. Ġesù jgħid: Imxi miegħi, jien nakkumpanjak. Il-qaddisin għaddew minn tbatijiet kbar, imma ħafna drabi kienu jxerrdu paċi straordinarja. Mhux għax il-ħajja tagħhom kienet faċli – kien hemm min bata ħafna – imma għax Ġesù kien jgħix fihom.

Il-madmad

Nixtieq li ninnutaw b’mod partikulari dal-kliem ta’ Ġesù: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi” (Mt 11:29). Għall-ewwel din tidher stramba. Ġesù jwiegħed mistrieħ, imbagħad jitlobna nġorru madmad. Biex nifhmu sew il-kliem ta’ Ġesù, irridu niftakru x’kien dan il-madmad fi żmienu. Fi żmienu, il-madmad kien biċċa injam li kienet torbot żewġ barrin flimkien biex jaħdmu.

Għaliex jitkellem fuq il-madmad jekk għadu kif wiegħed il-mistrieħ? Għax Ġesù joffrilna madmad ieħor – mhux tal-vizzju, tal-biża’, tar-rabja, imma tal-imħabba, tal-verita, tal-maħfra. Għalhekk jgħidilna: “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11:30).

U hemm ħaġa interessanti ħafna. Meta żewġ barrin kienu jintrabtu flimkien, wieħed minnhom kien ikun aktar b’saħħtu u jerfa’ l-akbar piż. Din hija xbieha sabiħa tal-ħajja Nisranija. Meta Ġesù jgħidilna nieħdu l-madmad tiegħu, hu jkun qed jgħidilna li jimxi magħna, u l-ikbar piż hu fuqu. Hu jġorr dak li waħedna ma nifilħux inġorru. Qatt ma nġorru l-piż waħedna.

Il-laqgħa

X’jiġifieri li mmorru għandu? Aħna li ġejna hawn, għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, ilqajna din l-istedina tiegħu – ġejna għandu. Għalhekk il-quddiesa hi tant importanti għall-ħajja tagħna Nisranija – hi l-laqgħa speċjali miegħu.

Aħna nwieġbu għall-istedina tiegħu kull darba li mmorru għandu – nitolbu b’sinċerità; nersqu għas-Sagrament tal-Qrar, naqraw il-Kelma ta’ Alla, naqdu lill-fqar u lil min hu fil-bżonn, u tant okkażjonijiet oħra fejn niltaqgħu ma’ Ġesù llum.

Il-qalb

Ġesù jgħid ukoll: “Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Dejjem jixtieq li nitgħallmu minnu, imma hawnhekk qed jgħidha b’mod speċifiku: tgħallmu minni.

Hija ħaġa impressjonanti li Ġesù jagħżel biss żewġ kelmiet biex jiddeskrivi lilu nnifsu: “ta’ qalb ħelwa u umli”. Ma jgħidx li hu qawwi, lanqas rebbieħ, għalkemm hu dan kollu. Hu jrid li l-ewwel nagħrfu qalbu. Il-qawwa tiegħu tidher fil-ħlewwa, il-kobor tiegħu jidher fl-umiltà. F’dinja li ħafna drabi tfaħħar il-qawwa, is-superjorità u d-dominanza, Ġesù jurina triq oħra. Il-kobor veru jinsab fil-qadi. L-awtorità vera titwieled mill-imħabba. Il-qaddisin bidlu d-dinja mhux għax kienu b’xi mod iqisu ruħhom ’il fuq minn ħaddieħor, imma għax kienu jirriflettu l-qalb ħelwa ta’ Kristu.

Kemm għandna bżonn nitgħallmu minnu u jkun dan il-mod kif nittrattaw lil xulxin – bil-ħlewwa u bl-umiltà! Tolqtok kemm dal-kliem ta’ Ġesù hu f’kuntrast ma’ dak li spiss nisimgħu jew naqraw. Insemmi, b’mod partikulari, xi kontributi fil-media soċjali, fejn kultant naraw kliem ta’ ħdura u mibegħda – hawn min qisu għandu dan l-inkarigu li jxerred il-ħdura u l-mibegħda, li jinsulta u jweġġa’. Ġesù jfakkarna li jkun rebbieħ tassew min ikun ta’ qalb ħelwa u umli.

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna mmorru għandu dejjem, u fih insibu l-mistrieħ u l-paċi tal-qalb tagħna; u nitgħallmu minnu ħalli nkunu dejjem ta’ qalb ħelwa u umli.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju