L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hemm frażi fir-rakkont li għadna kemm smajna mill-Atti tal-Appostli li tgħid hekk: “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” (Atti 28:2). Hi frażi li tagħmlilna ġieħ lilna l-Maltin, meta naqrawha u nerġgħu naqrawha, u niftakru li tant snin ilu l-Maltin ta’ żmien San Pawl, meta waslu dawn in-nies ħafna minnhom priġunieri fuq ġifen li kien inqabad f’tempesta u kien wasal hawnhekk mingħajr ħadd ma ried li jasal hawn, ġabu ruħhom bi ħlewwa liema bħalha. U r-rakkont jerġa’ jgħid li l-Maltin laqgħuhom, imbagħad li Publiju laqagħhom bil-qalb kollha, li wrewhom ġieħ kbir u tawhom dak kollu li kienu jeħtieġu.

Papa Franġisku fuq il-Maltin

Kull min jaqra din is-silta tolqtu kemm il-Maltin ta’ dak iż-żmien ġiebu ruħhom bi ħlewwa liema bħalha ma’ dawn in-nies. Dan l-aħħar, ftit ta’ ġranet ilu, il-Papa Franġisku nnifsu, meta kien qed jirrifletti fuq din is-silta, qal li l-Maltin huma nies “twajba, ġentili u akkoljenti”. U aktar tard qal: “dan poplu qalbu tajba”. U reġa’ semmieha ġimagħtejn wara fl-Udjenza Ġenerali, u reġa’ semmieha wkoll ftit ġranet wara meta kien fil-Bażilika ta’ San Paolo Fuor le Mura fil-konklużjoni tal-ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda bejn l-Insara.

Żerriegħa li sabet art tajba

Ħaġa li tolqotni hi kif il-Maltin ta’ dak iż-żmien kienu lesti, għax qalbhom tajba u disposti, biex jilqgħu l-Kelma li wasslilhom Pawlu. Naraha tixbah ħafna dak li spjega Ġesù meta qal kif taħdem il-Kelma ta’ Alla. Kien qal: din bħal bidwi li jitfa’ ż-żerriegħa. Xi żerriegħa taqa’ fil-mogħdija, xi żerriegħa taqa’ fuq il-blat, xi żerriegħa taqa’ qalb ix-xewk – u f’dawn it-tliet każijiet ma ddumx u tispiċċa. Imma żerriegħa oħra taqa’ f’art tajba u tagħmel il-frott. Il-Maltin, f’dak iż-żmien, kienu proprju l-art tajba li fiha nżergħet iż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla u għamlet il-frott.

Il-providenza ta’ Alla

Għalhekk illum hi okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla. L-ewwel nett tal-providenza tiegħu. Għaliex jekk hemm xi ħaġa li tolqtok f’dan ir-rakkont hi l-providenza ta’ Alla. Fil-fatt, ħadd minn dawk il-276 ta’ fuq il-ġifen ma kellu l-pjan li jiġi Malta. Lanqas San Pawl stess, għax ħin minnhom jgħidilhom: “kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux…”. Ma kinux jaslu Malta kieku ma telqux. Imma mbagħad jgħidilhom: “jeħtieġ li naħbtu ma’ gżira”. Hi din il-providenza ta’ Alla, li mid-deni joħroġ l-aqwa ġid. Għalihom, għax salvaw billi spiċċaw f’din l-art; u għalina, għax dak kien il-mument meta San Pawl wasal Malta u bil-providenza ta’ Alla wassal il-Kelma ta’ Alla. U nnutaw li San Pawl wassal l-ewwel din il-Kelma b’dak li għamel qabel dak li qal. Għax dak li għamel, meta fejjaq lill-morda, u ġabulu kull tip ta’ nies bil-mard, uriehom is-salvazzjoni li jġib Ġesù.

Il-fidi ġabet l-aqwa ġid lil pajjiżna

It-tieni: niftakru li l-fidi li ġabilna San Pawl Missierna hi l-aqwa teżor. Illum hi l-okkażjoni li nġeddu l-fidi tagħna u nitolbu lill-Mulej biex dejjem ngħożżuha bħala l-aqwa teżor. Il-fidi f’Malta ħalliet ħafna ġid tul dawn il-kważi elfejn sena. Ħalliet il-ġid fost tant nies li għexuha. Ħalliet ukoll ħafna ġid soċjali. Jekk taħseb ftit: min beda l-opri soċjali għal nies fil-bżonn jekk mhux nies ispirati mill-fidi? Semmi liema qasam trid: min ħaseb għal nies li kienu qegħdin ibatu jekk mhux nies ispirati mill-fidi? Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan it-teżor kbir li tana u tal-ġid li fissret il-fidi f’Malta għal dawn is-snin kollha. Meta nħarsu lura, niftakru kif il-fidi li ġabilna San Pawl proprju fil-bidu tax-xandir tal-Evanġelju – aħna kellna x-xorti li konna minn tal-bidu – fissret tant ġid għal Malta u għall-Maltin.

Ngħaddu l-fidi lill-ġenerazzjonijet ta’ warajna

It-tielet ħaġa li nixtieq insemmi: kemm hu importanti li llum, filwaqt li qed inħarsu lura, inħarsu wkoll ‘il quddiem. Il-fidi rridu nħarsuha u ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. F’din il-festa kbira, il-ħarsa tagħna mhix biss lura imma wkoll ‘il quddiem biex aħna nagħrfu nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna mhux biss wirt storiku u artistiku sabiħ – dak huwa importanti – imma wkoll fidi ħajja li tista’ tmexxihom fil-ħajja tagħhom u tagħti direzzjoni lill-ħajja tagħhom. Għalhekk dak li San Pawl ġab fostna tant snin ilu nkomplu nħarsuh, ngħożżuh, u ngħadduh lil ta’ warajna.

B’dan il-mod, din il-ġrajja kbira providenzjali nibqgħu nfakkruha mhux biss bħala ġrajja tal-imgħoddi imma bħala ġrajja li terġa’ turina dak li għandu jmexxina llum u li aħna għandna ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Nitolbu llum lil San Pawl – hu li tant għamel biex ixandar l-Evanġelju – biex aħna nkomplu nkunu l-art tajba li fiha ż-żerriegħa tal-Kelma ta’ Alla tagħmel il-frott. Li aħna nkomplu nkunu qalbna miftuħa għal Alla, ngħożżu dejjem il-fidi tagħna, u ngħadduha bħala l-isbaħ teżor lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti