L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Aħna nħobbu għax hu ħabbna l-ewwel” (1Ġw 4:19). Din il-frażi mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann appostlu hi programm għal kull Nisrani imma b’mod speċjali għalina s-saċerdoti. Aħna nħobbu. Il-missjoni tagħna hi li nkunu mħabba. Imma din il-missjoni ġejja mill-persważjoni, mill-konsapelovezza, mill-għarfien, mill-fidi li hu Alla l-imbierek ħabbna l-ewwel.

Ħabbna l-ewwel fil-misteru tal-ħolqien tagħna. Ħabbna l-ewwel fil-misteru tal-fidwa tagħna, f’Ibnu Ġesù. Ħabbna l-ewwel fil-misteru tal-vokazzjoni tagħna u ħafna drabi jħobbna l-ewwel f’tant imħabba li nirċievu fil-komunità Nisranija li ssegwina, li tmantina, li titlob għalina, li tissapportjana. U din il-persważjoni ta’ mħabba tagħti lis-saċerdot, lill-qalb tiegħu, lir-ruħ tiegħu il-qawwa li jkun imħabba, mill-missjoni tiegħu tkun missjoni ta’ mħabba.

Imma nifhmu wkoll li l-imħabba tagħna lejn Alla li aħna niċċelebraw fis-sagramenti, li nipprietkaw bil-kelma tagħna hi vojta jekk ma tissiħibx mal-imħabba konkreta tal-poplu ta’ Alla. Kif jista jkun li tħobb ’l Alla li qatt ma rajtu jekk inti mbagħad ma tħobbx lil ħuk li tara? U jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja li nħobbu ’l Alla u nkunu fidili lejh fl-imħabba tagħna safja, qaddisa, libera u kasta tal-poplu t’Alla. Imma mħabba vera li ma tiddejjaqx tiċċappas bid-dgħufija tal-bnedmin, li taf tkun vulnerabbli u allura esposta għall-kritika, kultant ħarxa, għall-kalunja u għal kull tip ta’ persekuzzjoni. Dak hu l-prezz li tkun imħabba.

U għalhekk Ġesù fl-Evanġelju ma joqgħodx jomgħodha, għeżież. Tgħiduli: ‘Imma dan kellu jinzerta l-Evanġelju fl-ordinazzjoni tagħna, meta Ġesù jitkellem fuq il-mibegħda, il-mibegħda li d-dinja, dak kollu li hu dnub, li hu għira, għandha għal Ġesù u għad-dixxipli tiegħu? Intom tafu wkoll li dan id-diskors ta’ Ġesù ma jagħmilx sens mingħajr il-kuntest li fih jingħad, mingħajr il-kuntest tal-imħabba li tingħata, li tinżel biex taħsel riġlejn id-dixxipli u li titkellem kliem ta’ faraġ u ta’ verità.

Imma Ġesù jifhem ukoll li hemm barra u mhux hemm barra biss, se jkun hemn elementi li jfixklu lilu u jfixklu lilna. U bl-umiltà kbira rridu nammettu wkoll li aħna stess nistgħu nkunu għedewwa tagħna nfusna meta ma nibqgħux iggranfati miegħu, meta ma nibqgħux niddependu minnu u mill-ħniena tiegħu. L-ikbar persekuzzjoni li jista’ jagħmlilna l-għadu tagħna hi li tant jipperswadina li m’aħniex denji li jaqtgħalna qalbna mill-ħniena ta’ Ġesù. Itolbu l-grazzja kbira, kbira li jiġri x’jiġri f’ħajjitkom tibqgħu persważi li Ġesù jħobbkom billi jħenn għalikom u jibqa’ jħenn għalikom.

Dak hu l-ikbar attakk, l-ikbar persekuzzjoni tal-għadu tagħna li hi persekuzzjoni spiritwali u ħarxa. Il-qlajja’, il-kalunji, il-mibegħda, iz-zekzik ta’ bejnietna u ta’ hemm barra jogħsfru, jgħibu, meta tqishom mal-qilla tal-għadu li jipperswadik li m’għandekx tama, m’għandekx dritt tittama fil-ħniena tal-Mulej. Ibqgħu ftakru li intom imsejħin għall-imħabba għax ħabbkom l-ewwel u jibqa’ jħobbkom. Ftakru fil-kelma li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku: mhuwiex Alla li jgħejja jaħfrilna. Aħna li ngħejjew nitolbuh maħfra imma tgħejjew kemm tghejjew bix-xogħol, bil-pastorali, bil-keded li jagħtukom in-nies, tgħejjew qatt nitlobkom bil-ħniena, tgħejjew qatt titolbuh maħfra.

Jalla madwarkom issibu nies li ħerqana jisimgħu lil Ġesù u jisimgħu lilkom minħabba fih mhux għax intom gustużi jew għax intom bravi jew għax togħġbu n-nies dejjem u kullimkien. Ma tistax togħġob lil kulħadd dejjem. In-nies jirrispettawna daqskemm inħobbu lil Ġesù, jagħdruna għax jafu minn xiex aħna magħmulin, li jitolbu minna hu li nħobbu lil Ġesù, li f’kull kelma tagħna jkun hemm il-kelma tal-ħabib li jħobb għax maħbub.

Illum il-Knisja fil-liturġija tagħha tfakkarkom li intom msejħin għal din l-imħabba, imsejħin biex tkun xhieda tal-kelma, imsejħin biex tiċċelebraw s-sagramenti, li tiċċelebraw il-misteri qaddisa tal-Ewkaristija, li taħfru d-dnubiet f’isem Ġesù, li titolbu bla waqfien, li tfasslu ħajjitkom fuq il-misteru tas-salib ta’ Kristu.

U kull meta tkun ġurnata naqra ta’ riħ isfel bħal din – kulħadd jgħaddi mir-riħ isfel allavolja t-temp ikun riħ fuq – ftakru li għandkom dritt mhux biss għall-mistrieħ tagħkom imma għall- mogħdrija tagħna u għas-sapport tagħna. Is-saċerdot mhuwiex imsejjaħ biex ikun Superman imma li jagħmel ħiltu taħt id-dell tal-ubbidjenza fejn hu mibgħut biex jaqdi lil Ġesù. Ħudu paċenzja, qatt tagħmlu xejn għal wiċċi jew għas-suċċessuri tiegħi, ikunu min ikunu. U inti Fra Ian, għal wiċċi u għas-superjuri tiegħek, għax inti għandek id-don ukoll li għandek ħafna superjuri wkoll bħala patri tal-Ordni tal-Predikaturi. Tagħmlu xejn għal wiċċ in-nies imma taħt id-dell tal-ubbidjenza agħmlu kollox għal Ġesù. Intom u tkellmu lil min jiġi għandkom, iddewwu l-ġrieħi spiritwali tal-poplu tagħna, kunu d-duwa ta’ Ġesù, il-fwieħa tiegħu, l-imħabba tiegħu, it-tenerezza tiegħu, bil-kumpassjoni tiegħu, il-viċinanza tiegħu, dak li l-Papa Franġisku jsejjaħlu l-istil tal-Evanġelju hu allura l-ferħ tal-Evanġelju u l-ferħ tagħna. Imma dejjem f’isem Ġesù.

Illum nixtieq nafdakom f’idejn Marija. Qed tiġu ordnati f’dan il-jum tat-13 ta’ Mejju li fil-liturġija tal-Knisja wkoll ifakkar il-qalb bla tebgħa tagħha u l-ewwel dehra ġo Fatima. Sidtna Marija fl-1917 dehret lil tliet ragħajja fqajra, sempliċi, umli biex tagħti messaġġ ta’ tama f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà kbira, ta’ persekuzzjoni kbira. U fit-tielet sigriet, kif magħruf ma ħbitx il-persekuzzjoni għas-suċċessur ta’ Pietru u għall-qaddejja fidili ta’ Ġesù. Imma tat ukoll sinjal ta’ tama, ta’ rebħa tal-Qalb Immakulata tagħha bil-qawwa tat-talba tar-rużarju, bil-qawwa tal-penitenza, tal-għotja tagħna nfusna.

Aħna nafdawkom lil din id-dinja li intom mibgħuta fiha biex tkunu l-balzmu li jdewwi, xhieda ta’ mħabba u li permezz tagħkom il-Mulej isejjaħ qlub ġeneruża biex jagħtu ħajjithom  bħala ragħajja tal-poplu ta’ Alla. Mhijiex kwistjoni li nibżgħu mill-Mulej għax jekk inħobbuh. M’hemmx għalfejn nibżgħu minnu imma jalla l-Mulej jagħtina wkoll sens tal-vokazzjoni tagħha. Jalla intom tgħammru fl-imħabba għax Alla hu mħabba u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih. Aħna nħobbu għax hu ħabbna l-ewwel. Jalla din il-kelma tkun għalikom dejjem ta’ kuraġġ u ta’ motivazzjoni.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 16:1-10
Salm: 99 (100): 1-2,3,5
Qari II: 1 Ġw 4:7-21
L-Evanġelju: Ġw 15:18-21

Aktar ritratti