L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tiġġudikawx”. Din hi l-kelma li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum, u li jgħid lilna lkoll. Aħna nafu kemm ħsara ssir kultant bil-ġudizzji, ġudizzji fuq persuni. Ġesù qed jgħid lid-dixxipli tiegħu b’enfasi biex ma jiġġudikawx. Kultant nifhmu kemm hi kerha din – li wieħed jgħaddi ġudizzju – meta aħna stess inkunu vittmi tal-ġudizzji ta’ ħaddieħor.
Hawnhekk Ġesù jsemmi żewġ affarijiet b’tixbiha, biex joħroġ ċar il-messaġġ tiegħu. Isemmi tibna u travu, xi ħaġa żgħira u xi ħaġa kbira ħafna, biex iwassal il-messaġġ li kultant jiġri li aħna ma narawx il-ħażin tagħna, u naraw il-ħażin ta’ ħaddieħor, u l-ħażin tagħna jkun ħafna akbar minn ta’ ħaddieħor. Għalhekk isemmi: ma tarax it-travu li għandek int f’għajnek, u tara t-tibna f’għajn ħuk.
Għaliex Ġesù ma jridniex niġġudikaw? Għax hu jrid li nħallu l-ġudizzju tal-persuni f’idejn Alla. Ir-raġuni hi ovvja: għax Alla hu li jaf tassew il-bniedem, Alla hu li jaqra l-moħħ minn ġewwa tal-bniedem, Alla hu li jagħraf il-qalb, il-profondità tal-qalb tal-bniedem. Alla hu li jaf il-bniedem minn xiex għadda, is-sitwazzjoni tiegħu bħalissa, it-trobbija tiegħu. Alla jaf dan. Aħna naraw biċċa, naraw dak li jidher minn barra ħafna drabi; ma nistgħux naraw ġewwa bħalma jara Alla. Għalhekk qed jgħid: inħallu l-ġudizzju f’idejh, għax b’dak il-mod biss jista’ jkun ġudizzju korrett. U f’dan għamlilna l-akbar pjaċir, li nħallu l-ġudizzju tal-persuni f’idejh.
Ġesù jridna lill-persuna nirrispettaw dejjem id-dinjità tagħha u nħalluha f’idejn Alla, imma naħdmu kontra dak li hu ħażin, u qatt ma ngħattu għajnejna u qatt ma nippermettu fejn hemm il-ħażin, fejn hemm l-abbuż
Issa ħa nagħmel mistoqsija: dan ifisser li jien, meta nara dak li hu ħażin, ngħid “ma niġġudikax”, u nibqa’ għaddej, jew inħallih għaddej? Pereżempju, jekk jiena responsabbli ta’ xi organizzazzjoni u naf li hemm xi ħadd qed jisraq, jew xi ħadd qed jagħmel xi abbuż, minħabba dal-kliem ta’ Ġesù nista’ ngħid “ma niġġudikax” u nħalli kollox għaddej? Nista’ nagħlaq għajnejja biex ma narax, widnejja biex ma nismax, ħalqi biex ma nitkellimx, u nħalli dak li hu ħażin għaddej? Dażgur li le! Jekk nagħmel hekk, u jien għandi responsabbiltà, inkun kompliċi ta’ dak li hu ħażin. Ġesù jridna nissieltu kontra dak li hu ħażin, imma jagħmel id-distinzjoni bejn il-ġudizzju tal-persuni quddiem Alla – dak jarah hu – u l-ħażin li għandna nissieltu kontrih.
Kultant jiġri l-kontra: ikun hawn min jitfa’ t-tajn fuq persuna, u ma jiħux imbagħad il-passi li għandu jieħu biex il-ħażin jispiċċa. Meta tgħidlu “għidli naqra fejn hemm ħażin”, le, basta semma lil dak u lill-ieħor. Mentri Ġesù jridna lill-persuna nirrispettaw dejjem id-dinjità tagħha u nħalluha f’idejn Alla, imma naħdmu kontra dak li hu ħażin, u qatt ma ngħattu għajnejna u qatt ma nippermettu fejn hemm il-ħażin, fejn hemm l-abbuż, dak kollu li hu ħażin ma għandniex nippermettuh. Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna dejjem inkunu ispirati minn din il-kelma tiegħu, u ma niġġudikawx jew nikkundannaw lin-nies, imma nitkellmu fuqhom b’rispett lejn id-dinjità tagħhom, u nħallu l-ġudizzja tagħhom f’idejn Alla. Imma fl-istess waqt, inkomplu naħdmu u nirsistu kontra dak li hu ħażin, u qatt ma ngħattu dak li hu ħażin.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju