Omelija tal-Papa Ljun XIV

Għeżież ħuti!

Il-liturġija tal-Ewwel Għasar ta’ Omm Alla hi ta’ għana singulari, li jiġi kemm mill-misteru tal-għaġeb li tiċċelebra, kemm mill-post li għandha proprju fi tmiem is-sena solari. L-antifoni tas-salmi u tal-Magnificat jisħqu fuq il-ġrajja paradossali ta’ Alla li jitwieled minn verġni, jew, jekk ngħiduha bil-maqlub, tal-maternità divina ta’ Marija. U fl-istess waqt din is-solennità, li tagħlaq l-Ottava tal-Milied, tkopri l-passaġġ minn sena għall-oħra u tifrex fuqu l-barka ta’ Dak “li kien, li hu u li ġej” (Apok 1:8). Iktar minn hekk, illum qed niċċelebrawha bl-għeluq tal-Ġublew, fil-qalba ta’ Ruma, fuq il-Qabar ta’ Pietru, u allura t-Te Deum li se jidwi minn hawn u ftit tal-ħin ieħor f’din il-Bażilika jrid bħal jitwessa’ biex jagħti leħen lill-qlub kollha u l-uċuħ kollha li għaddew minn taħt dan is-saqaf u fit-toroq ta’ din il-belt.

Smajna fil-Lezzjoni biblika waħda mill-aktar sintesijiet tal-għaġeb tal-Appostlu Pawlu: “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni” (Gal 4:4-5). Dan il-mod kif hu jippreżenta l-misteru ta’ Kristu jġagħalna naħsbu fi pjan, pjan kbir fuq l-istorja umana. Pjan misterjuż imma b’ċentru ċar, bħal muntanja għolja mdawla mix-xemx f’foresta mimlija siġar: dan iċ-ċentru hu l-“milja taż-żmien”.

Ritratt: Vatican Media

U proprju din il-kelma – “pjan” – nerġgħu nsibu eku tagħha fil-kantiku tal-Ittra lill-Efesin: “Il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kulma hu fis-sema u kulma hu fl-art” (Efes 1:9-10).

Ħuti, f’dan iż-żmien tagħna nħossu l-bżonn ta’ pjan għaref, ta’ tjieba, ħanin. Ħa jkun pjan ħieles u li jeħles, paċifiku, fidil, bħal dak li l-Verġni Marija pproklamat fil-kantiku ta’ tifħir tagħha: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien / fuq dawk li jibżgħu minnu” (Lq 1:50).

Imma hemm pjanijiet oħra, illum bħall-bieraħ, li jdawru lid-dinja. Huma pjuttost strateġiji, li jimmiraw biex jiksbu swieq, territorji, żoni ta’ influwenza. Strateġiji armati, miksija b’diskorsi ipokriti, bi proklami ideoloġiċi, b’motivi reliġjużi foloz.

Imma l-Omm Qaddisa ta’ Alla, l-iċken u l-ogħla fost il-ħlejjaq, tara l-affarijiet bil-ħarsa ta’ Alla: tara kif bil-qawwa ta’ driegħu l-Aktar Għoli jxerred il-ħsibijiet ta’ dawk li huma mkabbra f’qalbhom, iniżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli liċ-ċkejknin, jimla bil-ġid idejn dawk li huma bil-ġuħ u jbattal dawk tal-għonja (ara Lq 1:51-53).

Ritratt: Vatikan Media

Omm Ġesù hija l-mara li magħha Alla, fil-milja taż-żminijiet, kiteb il-Kelma li tikxef il-misteru. Ma imponihiex: ipproponieha l-ewwel lil qalbha u, meta rċieva l-“iva” tagħha, kitibha bi mħabba tal-għaġeb fil-ġisem tagħha. Hekk it-tama ta’ Alla ntisġet mat-tama ta’ Marija, dixxendenta ta’ Abraham skont il-ġisem u fuq kollox skont il-fidi.

Alla jħobb jittama bil-qalb taċ-ċkejknin, u dan jagħmlu billi jinvolvihom fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. Isbaħ ma hu l-pjan, ikbar hija t-tama. U fil-fatt id-dinja hekk tibqa’ miexja ’l quddiem, imqanqla mit-tama ta’ tant persuni sempliċi, mhux magħrufa imma mhux f’għajnejn Alla, li minkejja kollox jemmnu f’futur aħjar, għax jafu li l-futur jinsab f’idejn Dak li joffrilhom l-akbar tama.

Waħda minn dawn il-persuni kienet Xmun, sajjied tal-Galilija, li Ġesù sejjaħlu Pietru. Alla l-Missier tah fidi hekk skjetta u ġeneruża li l-Mulej seta’ jibni fuqha l-komunità tiegħu (ara Mt 16:18). U aħna għadna qegħdin hawn illum nitolbu fuq qabru, fejn pellegrini minn kull naħa tad-dinja jiġu jġeddu l-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu Bin Alla. Dan seħħ b’mod speċjali matul is-Sena Mqaddsa li wasalna biex nagħlqu.

Ritratt: Vatikan Media

Il-Ġublew hu sinjal kbir ta’ dinja ġdida, imġedda u rrikonċiljata skont il-pjan ta’ Alla. U f’dan il-pjan il-Providenza żammet post partikulari għal din il-belt ta’ Ruma. Mhux minħabba l-glorji tagħha, mhux minħabba l-qawwa tagħha, imma għax hawn xerrdu demmhom għal Kristu Pietru u Pawlu u tant Martri oħra. Għalhekk Ruma hi l-belt tal-Ġublew.

X’nistgħu nawgurawlha lil Ruma? Li tonora liċ-ċkejknin tagħha. It-tfal, l-anzjani waħidhom u dgħajfa, il-familji li qed ibatu aktar biex jibqgħu mexjin ’il quddiem, irġiel u nisa li ġew mill-bogħod bit-tama ta’ ħajja dinjituża.

Illum, għeżież, irroddu ħajr lil Alla għad-don tal-Ġublew, li kien sinjal kbir tal-pjan tiegħu ta’ tama fuq il-bniedem u fuq id-dinja. U rroddu ħajr lil dawk kollha li fix-xhur u l-jiem tal-2025 ħadmu għas-servizz tal-pellegrini u biex jagħmlu lil Ruma aktar akkoljenti. Dan kien, sena ilu, l-awgurju tal-maħbub Papa Franġisku. Nixtieq li jibqa’, u nissogra ngħid issa iktar wara dan iż-żmien ta’ grazzja. Jalla din il-belt, animata mit-tama Nisranija, tista’ tkun għall-qadi tal-pjan ta’ mħabba ta’ Alla fuq il-familja umana. Ħa tiksbilna dan l-interċessjoni tal-Omm Qaddisa ta’ Alla, Salus Populi Romani.

Ritratt: Vatikan Media

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard