Caritas Malta tinsab fl-aħħar tal-preparamenti fl-organizzazzjoni ta’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi li se ssir nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru 2023 bejn il-11:00am u l-11:00pm.

Maratona ta’ mħabba, dis-sena bit-tema ‘Jimpurtani’, se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha, fejn minbarra skop ta’ ġbir ta’ fondi, Caritas Malta tkun qed twassal stejjer ta’ suċċess ta’ persuni li resqu għall-għajnuna għad-diversi servizzi li toffri din l-organizzazzjoni.

Se jispikkaw stejjer ta’ familji li reġgħu kisbu lil uliedhom lura wara li għaddew mill-ġerħa tad-droga u permezz ta’ programmi residenzjali ta’ rijabilitazzjoni kisbu d-dinjità tagħhom lura, stejjer ta’ persuni li għaddew minn telfa ta’ għeżież tagħhom, persuni għaddejjin minn problemi emozzjonali u psikoloġiċi li sabu faraġ u sapport minn terapisti u professjonisti ta’ Caritas.

Minbarra l-appelli għall-għajnuna finanzjarja biex din l-organizzazzjoni tkompli tevolvi fis-servizzi tagħha, l-għan tal-maratona hu li tħeġġeġ lil min għandu bżonn l-għajnuna biex jitlob għaliha. Persuni li għandhom bżonn servizz mill-Caritas jistgħu jċemplu waqt il-maratona u jitkellmu ma’ persuni esperti fil-qasam.

Is-servizzi ta’ Caritas Malta jingħataw kollha bla ħlas. Donazzjoni tista’ ssir billi:
sms 51802032 – €25
sms 5190 2089 – €50
BOV Mobile: 79011655
PayPal jew debit/credit card: https://www.paypal.com/donate…
Metodi oħra: https://www.caritasmalta.org/donate/

Iktar tagħrif wieħed dwar Caritas Malta jinsab fuq https://www.caritasmalta.org/ jew https://www.facebook.com/CaritasMalta.

Din il-maratona qed tittella’ bl-appoġġ ta’ Lidl Malta, HSBC Malta Foundation, The Alfred Mizzi Foundation, DB Foundation, Convenience Shop u Logografix Signs.