-
-
Il‑Ħadd 12 ta’ Marzu 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa li matulha kkonsagra l‑artal u l‑Knisja tas‑Salib Imqaddes, il‑Furjana.
Il-kunvent u l-knisja tal-Kapuċċini fil-Furjana bdew jinbnew fl-1588/89 wara li l-Gran Mastru Verdalle ta biċċa art lil dawn il-Patrijiet barra s-swar tal-Belt Valletta. Id-disinn tal-pjanta tal-knisja sar minn Ġilormu Cassar. Il-Patrijiet Kapuċċini ddedikaw din il-knisja lis-Salib Imqaddes. It-titular oriġinali ġie mpitter minn Filippo Paladini. Il-knisja ġiet ikkonsagrata fit-18 ta’ Ottubru tal-1773 mill-Isqof Mons Giovanni Pellerano. Il-knisja baqgħet tiżżejjen b’numru ta’ oġġetti sbieħ mogħtija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann u minn benefatturi oħra, iżda l-knisja iżda sfat meqruda fil-5 t’April 1942 f’attakk mill-ajru matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
L-ewwel ġebla tal-bini tal-knisja l-ġdida tqegħdet fit-23 ta’ April 1947, minn Monsinjur Mikiel Gonzi, Arċisqof ta’ Malta. Il-bini ta’ din il-knisja dam wieqaf għal erba’ snin u sitt xhur minħabba problemi finanzjarji. Sakemm fis-7 ta’ Settembru 1953, tkompla x-xogħol tal-bini taħt id-direzzjoni ta’ Nikola Zammit mill-Qrendi u l-inġinier Andrea Micallef minn Ħal Luqa, fuq il-pjanta tal-Perit Ġużeppi Colombo mill-Gżira.
Il-knisja l-ġdida li naraw illum tbierket fil-21 t’Awwissu 1955 f’ċerimonja li saret immexxija mill-Ministru Provinċjal P. Pietru mill-Furjana li ħabrek ħafna sabiex titlesta din il-knisja. Immedjatament wara ċ-ċerimonja tat-tberik tal-knisja, il-Provinċjal P. Pietru iċċelebra quddiesa solenni f’din il-knisja l-ġdida. Wara t-Talba tal-Għasar Kantat, l-Arċisqof Monsinjur Mikiel Gonzi kien mexxa purċissjoni bl-Ewkaristija mill-knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Furjana għall-knisja l-ġdida tal-Kapuċċini.
Fid-29 ta’ Novembru 2016, waqt Kapitlu Lokali, il-fraternità tal-Kapuċċini tal-Furjana ddiskutiet il-possibilità li din il-knisja flimkien mal-artal jiġu kkonsagrati. Wara ftehim unanimu, il-Ministru Provinċjal, P. Martin Micallef ressaq din it-talba lill-Arċisqof Charles J. Scicluna.
Click here to view all the photos of the Celebration of Mass.
-
The Celebration of Mass on YouTube
-
Homily by Archbishop Charles J. Scicluna
-
-
Knisja tas-Salib Imqaddes,
Patrijiet Kappuċċini, il-Furjana
12 ta’ Marzu 2017“Qumu. La tibżgħux” (Mt 17, 7). L-istedina ta’ Ġesù: “Surgite. Nolite timere, qumu la tibżgħux”, hija l-kelma li l-Mulej ilissen minn dan it-tempju li llum qegħdin niddedikaw lilu b’mod solenni għaliex dan it-tempju ġġarraf kompletament fl-1942 bl-iżjed mod kiefer u bl-iżjed mod vjolenti bil-bumbardamenti tat-Tieni Gwerra Dinjija. U reġa’ qam, tant hu hekk li l-ewwel ġebla tat-tempju l-ġdid tqegħdet mill-predeċessur tiegħi Monsinjur Mikiel Gonzi sebgħin sena ilu fl-1947. Kien propju fl-1947 li Monsinjur Mikiel Gonzi poġġa l-ewwel ġebla u nfetaħ għall-kult fl-1955, kollox miktub fl-irħama li hemm mal-faċċata.
Illum, sebgħin sena wara t-tqegħid tal-ewwel ġebla, huwa ta’ ferħ kbir għalija li nilqa’ l-istedina tal-Ministru Provinċjal u tal-Komunità tal-Kappuċċini f’Malta, li nikkonsgara dan it-tempju li reġa’ qam. U la reġa’ qam, irridu wkoll nilqgħu t-tieni biċċa tal-messaġġ ta’ Ġesù: “la tibżgħux”. Il-konsagrazzjoni tbierek ix-xogħol tal-bniedem, imma tħares ukoll lejn il-futur, lejn il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu biex ifaħħru lil Alla hawnhekk f’dan il-post, f’dan il-maqdes ddedikat lis-Salib Imqaddes. Kemm hi ħaġa xierqa li f’din il-knisja ddedikata lis-Salib Imqaddes, tiġi kkonsagrata f’dan iż-żmien qaddis ta’ preparazzjoni għall-Għid il-Kbir meta aħna l-Insara f’riġlejn Ġesù Kurċifiss, nitgħallmu nkunu dixxipli ta’ mħabba kbira.
Illum Ġesù jidher fis-sbuħija intima tiegħu. Fuq il-muntanja, ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni; kollha kienu sajjieda, tnejn minnhom ulied Żebedew u Xmun Pietru, ħu Indri. “Tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx u lbiesu sar abjad bħad-dawl” (Mt 17, 2). L-Evanġelisti, biex jispjegaw din l-esperjenza, jitkellmu dwar ix-xemx u d-dawl. Imma fl-istess ħin, huwa l-Mulej Ġesù stess li jinsisti li din id-dehra ma tistax tinftiehem qabel ikun qam mill-imwiet, qabel ikun għadda mid-dlam tal-Ġimgħa l-Kbira: “għall-ħabta tat-tlieta ta’ wara-nofsinhar, ix-xemx iddalmet” (Lq 23, 44).
Il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira huwa jum ta’ dlam; it-trasfigurazzjoni ġustament hija misteru tad-dawl kemm fl-intuwizzjoni ta’ San Ġorġ Preca kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ San Ġwann Pawlu II. Hija misteru tad-dawl li jagħmlilna kuraġġ biex meta l-Mulej jgħaddina mill-widien tad-dlamijiet, aħna ma ninsewx li hu r-Ragħaj tagħna: “imqar jekk nimxi f’wied mudlam, inti miegħi”, inti Ragħaj tiegħi, “inti l-ħatar u l-għasluġ tiegħi” (S 23, 40) .
Minn hawnhekk, minn dan il-maqdes ikkonsagrat, aħna nisimgħu l-Missier jgħajjat fil-profond tal-kuxjenza tagħna: “dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17, 5). Minn hawnhekk titħabbar il-kelma ta’ Ġesù, mhux il-kelma tagħna l-bnedmin, imma l-kelma tal-Mulej. Il-Missier sab il-għaxqa tiegħu fl-Iben għax l-Iben l-ikel tiegħu kien li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru; hekk qal lid-dixxipli tiegħu: “dan hu l-ikel tiegħi li nagħmel ir-rieda ta’ Missieri”.
Kellu xewqa kbira li jitgħammed, li jgħaddi mill-Magħmudija tat-tbatija tiegħu. Kellu nar u ħerqa kbira li dan iqabbad u jħeġġeġ lid-dinja. “Nar ġejt inpoġġi fid-dinja u kemm nixtieq li diġà qabad”. Imma, fuq kollox, illum niftakru f’Ġesù bħala l-Messija, il-Midluk, il-Christos, Kristu; Ġesù ta’ Nazzaret huwa dak li fil-Magħmudija tiegħu, il-Missier ilissen il-kelma: “dan hu Ibni l-għażiż li fih sibt il-għaxqa tiegħi” (Mt 3, 17).
Fid-dilka tal-Ispirtu s-Santu, il-Mulej Ġesù huwa ppreżentat quddiem l-umanità bħala l-qaddej, il-profeta u s-saċerdot. Id-dilka biż-żejt ikkonsagrat mill-Isqof nhar Ħamis ix-Xirka li għadda, tfakkarna li kemm il-Knisja, u kemm l-artal, u kemm aħna, ilkoll midluka biż-żejt qaddis, ilkoll Kristjani, ilkoll aħwa tal-Messija, anzi aħna wkoll midluka, Christos, u għalhekk Kristjani għax il-kelma Kristjan ġejja mid-dilka, mill-Ispirtu qaddis. Id-dilka biż-żejt hija d-dilka bl-Ispirtu qaddis.
Għalhekk il-ġebla tal-franka bajda u għażiża imma fl-istess ħin fraġli – jekk irridu nifhmu kemm hi fraġli l-ġebla Maltija, niftakru biss fil-ġrajja riċenti, li riħ ta’ siegħa mhux biss inaddaf qiegħa, imma l-bibien u-twieqi – u l-injam, l-injam prezzjuz – għax il-Kappuċċini, b’sens profetiku kbir ma jużawx l-irħam imma jużaw l-injam – imma dan l-injam li se nidilku llum ifakkarna fl-għuda tas-salib. Kienet l-injama li ġarret l-Għarus, midluk tal-Knisja; minn fuq l-għuda ħarġu u ċarċru d-demm u l-ilma tas-sagramenti tal-Knisja. Din l-għuda kkonsgrata tilqa’ l-offerti tagħna u fuq din l-għuda tal-artal ikkonsgrat, l-Ispirtu qaddis ibiddel il-ħobż u l-inbid fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, ta’ Ġesù l-Midluk.
“Għażiż”, jgħid San Pawl Appostlu Missierna lil Timotju, “aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta’ Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa” (2 Tim 1, 8). Illum il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju tfakkarna f’din is-sejħa qaddisa. Aħna wkoll, il-komunità Kristjana, tal-midlukin tal-Messija, aħna għandna sejħa qaddisa, aħna Tempju tal-Mulej, “mhux għax qies l-għemejjel tagħna, imma skont il-pjan tiegħu stess u skont il-grazzja”, skont il-ħniena, skont l-imħabba tiegħu. “Din il-grazzja”, din il-ħniena, din l-imħabba, “tahielna qabel iż-żmien tal-eternità fi Kristu Ġesù, imma issa dehret permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna Kristu Ġesù” (vv. 9-10).
Tidher ukoll għall-għajnejn tagħna u għall-għajnejn tar-ruħ tagħna f’dan il-ġebel ikkonsagrat, f’dan l-injam ikkonsagrat, għaliex il-Knisja kkonsagrata hija sinjal tas-sejħa tagħna għall-qdusija. Hija xi ħaġa li tidher, hija xi ħaġa li nistgħu mmissu, imma twassalna għal dak id-destin li għalissa ma narawhx, li għalissa huwa intanġibbli għalina, imma huwa s-sisien tat-tama, tal-fidi, u tal-imħabba tagħna, għaliex Ġesù Kristu qered il-mewt u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.
Nirringrazzjaw lill-Mulej talli dan it-tempju li twaqqa’ minħabba l-kefrija tal-bniedem, sebgħin sena ilu reġa’ beda jinbena u llum qiegħed jiġi kkonsagrat lill-Mulej. “Qumu. La tibżgħux”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Photos/Video: Curia Communications Office