L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hemm żewġ kelmiet speċjali f’dan ir-rakkont twil li għadna kemm smajna: “Ġesù beka”. Huma kelmiet speċjali f’din is-sentenza li hi waħda mill-iqsar li hemm fl-Iskrittura kollha. U speċjali għax naraw f’dan ir-rakkont lil Ġesù jibki għax Lazzru kien ħabib tiegħu, u jibki għax ħassu emozzjonat meta jara lil ħutu u lin-nies l-oħra wkoll jibku t-telfa ta’ Lazzru.

Ġesù jifhimna, hu wkoll għadda mit-tbatija, u jista’ jifhem dak li qed inħossu f’dawn iż-żminijiet.

Huma kelmiet speċjali għax lilna jfakkruna li Ġesù kien bniedem bħalna, bħalna f’kollox minbarra d-dnub – dak li hu ħażin. Kien jibki, kien iħoss. Għax bniedem bħalna jista’ tassew jifhimna fl-esperjenza tal-ħajja tagħna. Għax hu kien iħobb, ibati, ġieli jirrabja, u jibki jista’ jifhimna meta fil-ħajja tagħna nħobbu, inbatu, ġieli nirrabjaw, u nibku.  Ġesù jista’ tassew jifhimna għax sar wieħed minna, bħalna. Speċjalment fl-esperjenzi tagħna ta’ tbatija, bħalissa qegħdin ngħaddu minn ħafna tbatija. Ġesù jifhimna, hu wkoll għadda mit-tbatija, u jista’ jifhem dak li qed inħossu f’dawn iż-żminijiet.

Imma hemm xi ħaġa oħra, imbagħad, fil-ġrajja li għadna kemm smajna li hi importanti ħafna għalina. Ġesù kien kollu kompassjoni u solidarjetà ma’ Marta u Marija għall-mewt ta’ ħuhom. Imma ma waqafx hemm. Ġesù ta l-ħajja mill-ġdid lil Lazzru, lil ħuhom. Hawn naraw lil Ġesù veru bniedem u veru Alla. Ġesù qal lil Lazzru biex joħroġ u tah il-ħajja mill-ġdid. Hi esperjenza tant kbira għan-nies li kienu hemm: li reġa’ radd il-ħajja mill-ġdid lil dak li kienu ilu erbat ijiem fil-qabar.

Dan kien sinjal ta’ dak li kien se jagħmel aktar ’il quddiem meta mhux iqajjem lil xi ħadd mill-mewt għall-ħajja, imma hu stess jegħleb il-mewt u jqum għal ħajja ġdida – dak li se niċċelebraw ġimagħtejn oħra fl-Għid il-Kbir. Dan ir-rakkont jurina li dan is-sinjal li ta Ġesù ta’ dak li kien se jagħmel meta jegħleb il-mewt b’ħajja ġdida.

Imma kien ukoll sinjal importanti li dak li se jagħmel meta jqum mill-mewt mhuwiex biss ġrajja għalih, ta’ darba, imma garanzija li jagħti lilna li aħna nimxu warajh. Għalhekk dak id-diskors ma’ Marta meta jgħidilha li hu l-qawmien u l-ħajja. Min jemmen fih, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja. U kull min jgħix u jemmen fih ma jmut qatt. Din hija l-ikbar garanzija li tana Ġesù li hawnhekk għandna ħjiel tagħha fir-rakkont ta’ meta qajjem lil Lazzru għal ħajja ġdida, imma mbagħad b’mod definittiv meta hu jqum mill-mewt u jegħleb il-mewt, jirxoxta għal ħajja ġdida.

F’din il-ġrajja, għalhekk, hawn miġbur dak li hu essenzjali fil-fidi tagħna. Li Ġesù sar wieħed minna, għex l-istess ħajja tagħna, u allura llum ukoll jakkumpanjana fil-ħajja tagħna. U li Ġesù hu veru Alla li jagħtina ħajja ġdida. Jgħinna hawnhekk biex ngħixu ħajja sew, imma wkoll jagħtina l-garanzija li l-ħajja tagħna ma tispiċċax wara ftit snin hawn imma tkompli għal ħajja ġdida, għall-ħajja fejn hemmhekk aħna tassew nilħqu l-milja fl-imħabba kollha ta’ Alla għax inkunu mseħbin miegħu għal dejjem.

Dan hu messaġġ importanti għalina fiż-żmien li qed ngħixu fih illum. Lil Lazzru qallu “oħroġ”, biex jagħtih il-ħajja. Lilna jgħidilna: oqogħdu ġewwa f’dawn iż-żminijiet biex tistgħu tħarsu l-ħajja tagħkom u tal-oħrajn. Fl-istess waqt, jakkumpanjana fil-mumenti tagħna diffiċli, aħna li nkunu ġewwa. Jagħtina dik iċ-ċertezza li hu dejjem magħna, għax hu ħaj, u li l-ħajja tagħna hawnhekk ma tispiċċax fix-xejn imma bil-qawwa tiegħu, meta aħna nimxu warajh, jagħtina ħajja ġdida għal dejjem fis-sema.

Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-messaġġ sabiħ li jagħtina għal ħajjitna, u nitolbuh biex dejjem isaħħaħ il-fidi tagħna fih, hu li qatt ma jitlaqna, dejjem jakkumpanjana, imma hu wkoll li dejjem jagħtina l-ħajja – il-ħajja li ma tintemm qatt.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju