L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Fi żmien Ġesù kien hemm min ħa l-impressjoni li Ġesù kien kontra d-drawwiet u l-liġijiet tal-poplu Lhudi. Pereżempju, Ġesù kien ifejjaq nhar ta’ Sibt, u għalihom is-Sibt kien il-jum sagru li ma tista’ tagħmel xejn iktar minn dak li hemm fil-liġi; għalhekk kienu jaraw il-fejqan ta’ Ġesù qisu kontra d-drawwiet tagħhom. Kellhom ukoll użanzi dwar l-ikel, jgħidu li xi ikel hu mniġġes; u Ġesù qalilhom: mhux dak li jidħol mill-ħalq li jniġġes, imma jniġġes dak li joħroġ mill-fomm u mill-qalb. Anke l-midinbin li kienu jiksru l-liġi kienu jqisuhom bħala nies li għandhom ikunu emarġinati, u Ġesù kien jilqagħhom.

Għalhekk kien hemm ħa din l-impressjoni, u kien min xerred din l-impressjoni, li Ġesù kien kontra l-liġijiet u l-kliem tal-profeti. Imma Ġesù jgħidilhom li hu ma ġiex biex ineħħi l-liġi u l-profeti, anzi ġie biex iwassalhom għall-milja tagħhom.

X’ried jgħid Ġesù b’din il-kelma tiegħu? Ġesù qed jgħid li l-aktar importanti fil-ħarsien tal-kmandamenti u l-ħarsien tal-Kelma ta’ Alla hu li tmur fil-qalba, mhux fil-qoxra jew fil-faċċata. Għalhekk Ġesù kien jikkritika ħafna min qisu minn barra qed josserva l-kmandamenti, imma l-qalb tiegħu mhix hemm. Ġesù ġabar il-kmandamenti kollha fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Li qed jgħid Ġesù huwa li meta ssegwi l-kmandamenti, din trid tkun ħierġa mill-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Mhux xi ħaġa biss li tidher minn barra imma l-qalb ma tkunx hemm.

Ġesù kien jgħidilhom ukoll li meta tħares lejn il-kmandamenti, m’għandekx tħares lejhom bħala xi piż, qisek il-ħin kollu qed iġġorr piż. Il-kmandamenti huma l-espressjoni tal-libertà tagħna bħala wlied Alla, u meta aħna narawhom bħala espressjoni tal-imħabba tagħna lejn Alla u lejn l-oħrajn, hemmhekk tassew insibu t-tifsira tal-kmandamenti ta’ Alla.

Ġesù ma ġiex biex ineħħi l-kmandamenti, il-Kelma ta’ Alla fit-Testment il-Qadim. Aħna nafu li dak li Alla għallem tant snin ilu – u aħna wkoll tgħallimna l-kmandamenti – kien jgħodd dak iż-żmien u għadu jgħodd illum. Anzi juruna tassew kif it-tajjeb insejħulu tajjeb, u l-ħażin insejħulu ħażin, anke jekk ikun hawn min jurta ruħu għax issemmi l-ħażin u jrid li l-ħażin jgħidlu tajjeb. Il-kmandamenti juruna dan b’mod ċar ħafna. Għalhekk Ġesù jridna, kif qal hawn, insegwu l-kmandamenti ta’ Alla, imma nagħmlu dan minn qalb mimlija mħabba. Imbagħad nifhmu kif il-liġi u l-profeti, il-kmandamenti kollha, u l-kelma tat-Testment il-Qadim isibu l-milja tagħhom fil-Kelma ta’ Alla li saret bniedem, jiġifieri Ġesù.

Fl-Evanġelju, hu u jitkellem fuq il-kmandamenti, Ġesù jgħid: “Min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-saltna tas-smewwiet”. Fis-saltna ta’ Alla, mhuwiex kbir min jippretendiha ta’ kbir, mhuwiex kbir min qisu qed josserva minn barra l-kmandamenti, imma l-qalb mhix hemm; imma min tassew isegwi din il-kelma ta’ Alla bil-qalb.  Għalhekk it-talba li nagħmlu llum fil-quddiesa lil Alla hi biex aħna nsegwu l-kmandamenti tiegħu, imma nagħmlu dan b’qalb mimlija mħabba lejh u lejn l-oħrajn. U hemm nistgħu ngħidulu dak li għedna fis-Salm, talba tant sabiħa: “Int tgħallimni t-triq tal-ħajja, hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.”

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju