Ritratt: Vladimir Zuhovitsky  (Unsplash)

Il-Life Network Foundation, li hija għaqda mhux governattiva favur il-ħajja, qalet li t-tbatija ma teliminahiex billi telimina l-ħajjiet.

L-NGO qalet dan fuq Facebook b’referenza għall-emendi fil-liġi tal-IVF li jinkludu t-test ġenetiku li jsir fuq l-embrijun. Dan wara li l-Parlament approva it-tielet qari tal-abbozz ta’ liġi dwar l-IVF b’66 voti favur u 3 voti kontra.

L-NGO qalet li hawn ħafna nies li qed jgħixu tbatija kbira u “aħna rridu nkunu hemm għalihom u magħhom”.

Dawn l-emendi fil-liġi kienu opposti minn numru kbir ta’ għaqdiet u persuni. Ilbieraħ Adrian Delia, Ivan Bartolo u Alex Borg ivvutaw kontra din l-emenda filwaqt li Carm Mifsud Bonnici kiteb fuq Facebook li hu pożittiv għall-Covid-19 u għalhekk ma setax imur jivvota kontra dawn l-emendi. Jerome Caruana Cilia li huwa wkoll kontra dawn l-emendi ddeċieda li ma jmurx il-Parlament ilbieraħ.

L-NGO staqsiet jekk l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello, Dun Martin tad-Dar tal-Providenza, Prof. Andrew Azzopardi, Prof. Annemarie Callus mid-Dipartiment tal-Istudji ta’ Diżabbiltà, Dr Jospehine Attard, il-Pediatrician, Prof Simon Attard Montaldo, Prof Maurine Cole, Dr Roberta Sammut , l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex u 12-il għaqda oħra ta’ persuni fosthom ġenituri ta’ persuni b’diżabbiltà li kollha tkellmu kontra t-test tal-PGT-M, humiex kollha bla qalb għax tkellmu kontra ta’ dawn l-emendi.

Sors: Newsbook.com.mt