L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għar tal-ħallelin” (Mk 11:17). Dan kien il-kliem iebes li qal Ġesù meta daħal fit-tempju. Daħal hemmhekk u ra l-bejjiegħa u x-xerrejja, u keċċiehom ’il barra; imbagħad qaleb l-imwejjed tas-sarrrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem, u ma ħalla lil ħadd li kien mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam it-tempju. Immaġinaw din ix-xena ta’ flus fl-art, imwejjed u s-siġġijiet rashom ’l isfel. Ħoloq kommozzjoni sħiħa.
U qalilhom Ġesù: intom din id-dar, li hi dar ta’ talb, għamiltuha “għar tal-ħallelin”. Dan kliem aħrax, iebes. Hu għalhekk li naqraw li l-qassisin il-kbar u l-kittieba “bdew jaraw x’jagħmlu biex jeqirduh” (Mk 11:18). Ġesù kien diġa f’polemika magħhom diversi drabi. Fost l-oħrajn, kien jgħidilhom: intom warrabtu l-kmandamenti ta’ Alla biex timxu mat-tradizzjonijiet tagħkom. Imma hawnhekk, li Ġesù jagħmel xi ħaġa hekk fit-tempju, għalihom kienet kbira wisq! Għalhekk bdew jaraw kif jagħmlu “biex jeqirduh”. Qalu: issa daqshekk!
Għaliex Ġesù għamel din ir-reazzjoni hekk qawwija? Fil-fatt hi l-unika darba li lil Ġesù narawh jagħmel dan kollu. Is-soltu nafuh differenti. Nafuh mimli kompassjoni, imħabba, man-nies. Hu stess kien qal: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). U hawnhekk f’din is-silta stess li qrajna, li tispjega tlett ijiem mill-ħajja ta’ Ġesù, mimlijin attività, jgħid lil Pietru u d-dixxipli, biex jekk waqt li jitolbu jkollhom xi ħaġa kontra xi ħadd, jaħfru. Allura Ġesù ma setax, meta daħal fit-tempju, qalilhom “jien naħfrilkom” u reġa’ ħareġ? Għaliex għamel dal-plejtu kollu?
Ir-raġuni hi li t-tempju kien il-post ċentrali tal-qima lil Alla, il-post fejn tmur biex tiltaqa’ ma’ Alla, biex titlob. Dawn kienu għamluh post ta’ kummerċ li jtellfek milli titlob, ma jħallikx titlob. Biex niftiehmu, b’dak li kienu qed jagħmlu hawn ma kellhom ebda skop li jkasbru t-tempju. Dawn kienu qed ibigħu l-annimali biex jistgħu jintużaw għas-sagrifiċċju fit-tempju. Imma b’dak li kienu qed jagħmlu, għamlu suq flok dar tat-talb. U Ġesù li jagħraf ukoll il-qalb, jgħid aktar minn hekk; jgħid “għar tal-ħallelin”, għax hu għaraf li xi wħud minnhom kienu qed jistagħnew minn fuq dahar ħaddieħor b’dan il-kummerċ.
Issa x’inhu messaġġ li jagħti lilna llum Ġesù permezz ta’ din is-silta? Ġesù jrid li aħna nistmaw id-dar ta’ Alla, it-tempju li llum hi l-knisja. Ġesù hekk ried: lin-nies jurihom l-importanza tat-tempju bħala l-post fejn inti tmur biex tiltaqa’ ma’ Alla, biex tisma’ l-kelma tiegħu, u tagħti qima lil Alla. Għalhekk, anke llum hekk irid minna. Irid li l-Knisja tkun verament il-post fejn niltaqgħu ma’ Alla; fejn nisimgħu l-kelma tiegħu, infaħħruh, nirringrazzjawh, inressqulu t-talbiet tagħna. Hekk għandha tkun il-knisja. U għandna noqogħdu attenti, anke fi żmienna, li dak kollu li jfixkel lilna milli l-knisja tkun id-dar ta’ Alla, inwarrbuh. Ma nħallu xejn ifixkilna. Kultant jista’ jiġri dan, jiġri pereżempju bit-tpaċpiċ żejjed, bid-diskors kultant, jew inkella għax inkunu moħħna li rridu nirranġaw xi ħaġa fil-knisja u ninsew li hija d-dar ta’ Alla, dar tat-talb. Jista’ jkun ukoll bl-ilbies tagħna: li aħna ma nurux li qed nistmaw il-post bħala d-dar ta’ Alla fejn l-attenzjoni għandha tkun fuqu, imma nkunu qisna bl-attenzjoni fuqna. Għalhekk hu importanti li aħna niftakru f’dan. Ġesù f’din is-silta jenfasizza l-importanza tat-talb magħmul bil-fidi – it-talb li għandu verament il-qawwa li jibdel lilna u li jibdel anke lis-soċjetà għall-aħjar, meta magħmul bil-fidi. Għalhekk, għandna ngħożżu tassew il-knisja bħala d-dar ta’ Alla. U din tfakkarna f’xi ħaġa li hi importanti ħafna wkoll: li bil-magħmudija aħna sirna wkoll it-tempju ta’ Alla. Dak li għandha tkun il-knisja għandna nkunu aħna wkoll fil-ħajja tagħna.
Illum nitolbu lill-Mulej: għinna biex aħna dejjem ngħożżu d-dar tiegħek bħala d-dar tat-talb, id-dar fejn niltaqgħu miegħek. Tħalli xejn ifixkilna milli tkun tassew din id-dar tat-talb. Għinna wkoll biex aħna nitolbu tassew b’fidi qawwija. Niftakru int sejjaħtilna biex inkunu tempju tiegħek, tempju fejn int tkun tista’ tgħammar fina u fejn dejjem aħna jkollna l-imħabba sħiħa lejk speċjalment permezz tat-talb tagħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju