Matul ir-Randan, permezz tal‑kampanja ‘Itma’ u Libbes’, inġabru €30,000 f’donazzjonijiet u madwar 45 vann mimlija ħwejjeġ f’kundizzjoni tajba. Dawn ser jgħinu lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli fis‑soċjetà.

Il-kampanja ġiet organizzata mill‑Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tat‑Taqsima tad‑Djakonija fil‑Parroċċi ta’ Caritas Malta, flimkien ma’ Newsbook.com.mt u 103 Malta’s Heart fejn ixxandru diversi intervisti dwar ir-realtà tal-faqar.

Id-donazzjonijiet se jintużaw biex jinxtara ikel li jitqassam mill‑kappillani lill‑familji fil‑bżonn fil‑parroċċi tagħhom. Il-ħwejjeġ se jgħaddu minn proċess ta’ għażla, ħasil, mogħdija u ppakkjar, sabiex fil‑ġimgħat li ġejjin ikunu jistgħu jinbiegħu lill‑pubbliku bi prezz raġonevoli. Id‑dħul minn dawn il‑ħwejjeġ se jgħin lill‑persuni fil‑bżonn u jtaffi mit‑tbatija tal‑persuni li ma jistgħux ilaħħqu mal‑ħajja.

L-Arċisqof Charles Scicluna rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-ġenerożità kbira tiegħu. Fakkar fil-kelma ta’ Ġesù, “kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni,” u esprima t-tama li l-Mulej jgħinna biex nibqgħu nħaddmu l-imħabba tiegħu fid-dinja. 

Albert Debono, responsabbli mid‑djakonija fil‑parroċċi fi ħdan il‑Caritas, qal li l‑pubbliku laqa’ bi ħġaru s‑sejħa tal‑Knisja biex jgħin lill‑familji fil‑bżonn, mhux biss bid‑donazzjonijiet u l-ħwejjeġ, imma wkoll billi offrew ftit ħin liberu biex seta’ jsir il‑proċess ta’ għażla tal‑ħwejjeġ. Huwa stieden lill-persuni li jixtiequ jgħinu biex jagħmlu dan billi jimlew il-formola ‘Ftit Ħin Qalb Kbira’ fuq il-websajt djakonija.org.

Għadd ta’ parroċċi u knejjes taw il‑kontribut tagħhom f’din il‑kampanja, fosthom ta’ Birżebbuġa, Ħal Qormi (San Ġorġ), Ħaż‑Żebbuġ, il-Kalkara, il‑Mosta, il‑Qawra, il‑Qrendi, is‑Siġġiewi, is‑Swatar, ix‑Xagħjra, l-Iklin, San Ġiljan, u Wied il‑Għajn.